Artiklu: Stewart Said
Il-mira tat-tim nazzjonali Malti hi ċara. Ir-raba’ kwalifikazzjoni konsekuttiva għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li se jsir fi Split bejn is-27 ta’ Awwissu u l-10 ta’ Settembru. Tliet konfronti bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd kontra l-Irlanda, il-Litwanja u dak li hu deskritt bħala l-aħjar tim fil-grupp ir-Rumanija. Minn dan il-grupp jikkwalifikaw żewġ timijiet.
F’konferenza stampa lejliet il-logħbiet, il-President Joe Caruana Curran iddeskriva dawn il-logħbiet bħala avveniment importanti għaliex fi kliemu “nixtiequ nibqgħu għaddejjin bir-riżultat pożittivi. Ma ninsewx li għaddejna għall-fażi finali fl-aħħar tliet edizzjonijiet. Nemmnu li tkun fost is-16-il pajjiż l-iktar b’saħħithom fl-Ewropa hi ħaġa pożittiva ħafna.”
Kawża tal-pandemija, it-tim nazzjonali ilu ma jilgħab mill-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew. Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo elenka l-preparazzjoni tat-tim Malti f’dawn l-aħħar xhur b’mod partikolari l-kamp ta’ taħriġ tal-ġimgħa l-oħra fl-Italja. Huma kellhom iċ-ċans li jilagħbu erba’ partiti ta’ ħbiberija kontra timijiet Taljani, liema prestazzjonijiet offrew ottimiżmu għal Izzo qabel it-tliet logħbiet ta’ din il-ġimgħa.
Neqsin mill-iskwadra li pparteċipat fl-aħħar skwadra fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew hemm l-imweġġa’ Jerome Gabarretta, Stevie Camilleri li hu kostrett jilgħab mat-tim tiegħu Muri Antichi, Aurelien Cousin li rtira, Gabriel Pace u Alan Borg Cole. Fl-iskwadra magħżula ta’ 15-il plejer, hemm xejn anqas minn seba’ plejers li bħalissa qed jilagħbu barra minn Malta, erbgħa minnhom fl-Italja, Jake Muscat fil-Montenegro, b’Liam Galea u Matthew Mifsud qegħdin fi Spanja.
Il-President tal-ASA wera ottimiżmu li t-tim Malti jista’ jkompli javvanza aktar minħabba r-riżultati li qed jinkisbu mit-timijiet taż-żgħażagħ filwaqt li bħalissa hemm 15-il plejer jilagħbu barra l-pajjiż. Caruana Curran saħaq dwar il-ħsieb tiegħu li l-waterpolo ma jingħatax biżżejjed rappurtaġġ iżda wera l-kuntentizza tiegħu li minkejja d-diffikultajiet kollha, jaħseb li rnexxielhom jagħmlu passi ta’ ġgant.
Sponsors u d-dħul għal-logħob
Joe Caruana Curran tkellem ukoll dwar fatti relatati ma’ dan l-isport iżda mhux mal-waterpolo milgħub. Hu appella biex il-kumpaniji jagħtu l-appoġġ tagħhom finanzjarju għall-aktar sport li qed jikseb suċċess għall-pajjiżna. Dan minħabba l-fatt li l-appoġġ finanzjarju tal-Awtoritajiet Maltin tat-Turiżmu u l-Gaming intemm. Dan in-nuqqas ta’ dħul finanzjarju jfisser li l-ASA tilfet 50% tad-dħul finanzjarju li kellha.
Dawk interessati li jattendu għal dawn it-tliet logħbiet, iridu jixtru mis-sit uffiċjali tal-ASA www.asaofmalta.eu. Il-biljett jiswa €10 għat-tliet logħbiet. Skont ir-regoli maħruġa mill-awtoritajiet, ma jistax ikun hemm iktar minn 600 spettatur fil-Pixxina Nazzjonali (300 spettatur kull naħa) u l-ispettaturi jridu jtellgħu ċ-ċertifikat tal-vaċċin fis-sistema qabel jixtru l-biljett.
Skwadra finali
Nicholas Grixti (Sliema), Jake Muscat (Neptunes), Andreas Galea (San Ġiljan), Jamie Gambin (Sliema), Darren Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Ben Plumpton (San Ġiljan), Jordan Camilleri (Neptunes), Jeremy Abela (Neptunes), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Zach Mizzi (Sliema), Dino Zammit (Sliema), Jake Tanti (San Ġiljan), Liam Galea (Sliema), Matthew Mifsud (Sliema)
Il-logħob tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni
Għada
Rumanija v Litwanja 5.00pm
Malta v Irlanda 6.30pm
Is-Sibt
Rumanija v Irlanda 5.00pm
Malta v Litwanja 6.30pm
Il-Ħadd
Irlanda v Litwanja 9.00am
Malta v Rumanija 10.30am
//= $special ?>