Lokali

RITRATT: Il-mument li l-ħabib ta’ Robert Abela daħal f’Kastilja

It-Times of Malta żvelat ritratt li juri lill-ħabib ta’ Robert Abela, Christian Borg, f’Kastilja.

Dan ir-ritratt jidher li ttieħed fl-2018, meta Robert Abela kellu uffiċċju f’Kastilja u allura jista’ jagħti l-każ li kien il-Prim Ministru tal-lum li rranġa biex il-ħabib tiegħu Christian Borg jiltaqa’ maċ-Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri.

Dan l-isem ta’ Christian Borg ħarbat sew il-ħidma tal-Gvern Laburista hekk kif il-Prim Ministru reġa’ jinsab f’nofs skandlu li ma jistax jeħles minnu. Dan meta qed ikomplu joħorġu aktar stejjer dwar ir-relazzjoni ta’ Robert Abela u Christian Borg, li jinsab akkużat b’akkużi serji fil-Qorti.

Filfatt, għadda jum ieħor u l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma weġibx għad-diversi mistoqsijiet li qed iqumu dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ Christian Borg. Dan hekk kif fl-aħħar 24 siegha, komplew joħorġu aktar dettalji dwar l-involviment ta’ ufficjali tal-LESA u Transport Malta, flimkien ma’ Christian Borg – racket li ilu għaddej sa mill-2014 u li ammonta għal miljuni kbar ta’ ħlasijiet ta’ ċitazzjonijiet li żamm għandu Christian Borg u li m’għaddiex lil-LESA.

Dan apparti li jezistu recordings, li issa jinsabu għand il-Pulizija fejn allegatment, Borg saħaq ma sħabu li m’għadhomx jinkwetaw għaliex għandhom lil persuni li rrefera għalih bħala ‘Bobby’. Dan filwaqt li ħarġu wkoll dettalji ta’ kuntratti li ħa mill-Gvern kif ukoll karozzi fuq ismu li jintużaw minn membri fil-familja ta’ Robert Abela.

Intant, l-istorja ta’ Christian Borg kompliet tkabbar il-qasma fil-Gvern Laburista, tant li anke d-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, ħass li kellu jaħsel idejh minn dan l-iskandlu u jikkonferma li hu ma kellux deals miegħu iżda naqas milli jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux xi deals ma’ Christian Borg.