Il-Qorti Kriminali tat il-ħelsien mill-arrest lil Tyson Grech, li jinsab akkużat, flimkien ma’ oħrajn, li pprova jaħtaf raġel li kien issuspettat li kien involut f’serq ta’ vann. Grech ta’ 26 sena mill-Isla, li għandu negozju ta’ kiri ta’ karozzi, kien tressaq il-Qorti taħt arrest ix-xahar li għadda, mixli li ħataf raġel fir-Rabat, li żammu kontra r-rieda tiegħu u li heddu.
Christian Borg ta’ 28 sena mis-Swieqi, Thorne Mangion ta’ 27 minn Ħal Qormi, Burton Azzopardi ta’ 20 sena minn Bormla u Jeremy Borg ta’ 20 sena minn Ħal Qormi wkoll qed jaffaċċjaw akkużi dwar il-ħtif ta’ Carlos Schembri fil-21 ta’ Jannar.
Schembri kien qal lill-pulizija li kien iddaħħal f’vettura, fejn ġie msawwat u mhedded b’rabta mal-allegat serq ta’ vann. Iktar tard irnexxielu jaħrab u rrapporta l-każ lill-pulizija. Il-ħames irġiel akkużati f’dak il-każ qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi u issa ngħataw il-ħelsien mill-arrest.
Tyson Grech kien l-aħħar li ngħata l-libertà proviżorja. It-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest kienet ittardjata wara li kien għadda xi kummenti waqt ix-xhieda mogħtija fil-qorti minn oħt il-vittma tal-ħtif. F’digriet li ngħata, l-Imħallef Aaron Bugeja, li jippresiedi l-Qorti Kriminali, ta l-ħelsien mill-arrest lil Grech fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €5000.
Taħt il-kundizzjonijiet tal-pleġġ, Grech huwa mitlub jiffirma darbtejn fil-ġimgħa gl-Għassa tal-Pulizija u josserva curfew. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni li tipprojbixxi lil Grech milli jikkuntattja jew isegwi l-movimenti ta’ Carlos Schembri, jaċċessa d-dar tiegħu, il-post tax-xogħol jew żoni li jiffrekwenta, fuq garanzija ta’ €7,000 u ħabs sa sentejn. L-avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Alex Scerri Herrera u Jason Grima qed jiddefendu lil Grech fil-proċeduri kriminali kontrih.
//= $special ?>