Internazzjonali

Ukrajna: Il-President Zelensky jisfida lil Putin….’’L-ebda triq oħra ħlief sħubija fin-NATO”

L-Ukrajna wasslet l-aktar messaġġ ċar li mhix se tkun intimidata mir-Russja, meta għad fadal l-għexieren tal-eluf tat-truppi Russi viċin il-fruntiera komuni. Dan minkejja t-theddida li invażjoni  tat-territorji Ukreni mill-qawwiet ta’ Moska għadha reali għall-aħħar.

Fil-fatt, il-President Ukren Volodymyr Zelensky, waqt kummenti lill-Istazzjon Britanniku BBC, sostna li t-triq quddiem għal pajjiżu hi waħda ċara u li tinvolvi l-isħubija eventwali tal-Ukrajna fin-NATO. Hu kompla li għalkemm dan jinvolvi tragward diffiċli, l-isħubija fl-Alleanza tal-Punent għandha tiggarantixxi s-sigurtà ta’ pajjiżu fi żmien ta’ tensjoni akuta għar-reġjun u l-kumplament tal-Ewropa.

Ftit hemm dubju li l-kummenti ta’ Zelensky niżlu ħażin ħafna mal-Kremlin ta’ Moska. Dan meta r-Russja insistiet diversi drabi li l-Ukrajna ma għandha titħalla qatt ‘u taħt l-ebda ċirkustanzi’ issir membru tan-NATO.

Ir-Russja anki esprimiet ‘l-inkwiet tdwar l-ambizzjonijiet tan-NATO biex tespandi l-influwenza tagħha sa ftit kilometri biss ‘il bogħod minn Moska’. Il-Kremlin, fl-istess ħin, qed jitlob garanziji li l-Ukrajna titħalla barra mill-Alleanza tal-Punent, madankollu, in-NATO u l-potenzi qed jagħmluha ċara li l-Ukrajna, bħala pajjiż indipendenti u sovran, għandha kull dritt li tissieħeb fl-alleanzi li tixtieq hi – irrispettivament mill-pressjoni ta’ Moska.

Filwaqt li r-Russja għadha tiċħad li qed tippjana invażjoni tal-Ukrajna, żdiedu l-indikazzjonijiet li Moska ‘ma kenitx ġenwina’ fl-aħħar stqarrijiet li s-s-suldati tagħha qegħdin jitilqu minn mal-fruntiera tal-Ukrajna.Fil-fatt, is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, wissiet lill-Punent ‘biex ma jħallix lir-Russja tqarraq bih’ f’din is-sitwazzjoni delikata.

U waqt li Moska qed tesprimi rieda għad-diplomazija u n-negozjati, uffiċjali ewlenin fl-Istati Uniti qed jgħidu li fl-aħħar jiem biss,  waslu talanqas 7,000 truppi Russi addizzjonali fl-artijiet tar-Russja li qed imissu mal-Ukrajna.

Il-moviment militari kompla jżid l-inkwiet li r-Russja ‘qed tipprova tilgħab logħba partikulari’, b’diversi uffiċjali tal-Punent ma jeskludux li Moska kapaċi tippreżenta xenarju falz bħala skuża ideali biex tinvadi lill-Ukrajna fi kwalunkwe mument.

Is-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Ben Wallace, qal li pajjiżu u l-Punent se jiġġudikaw lir-Russja skont l-azzjonijiet li tieħu u meta mifhum li ‘qed ikomplu’ il-movimenti tat-truppi Russi mal-fruntiera.  Wallace tenna, bla tlaqliq, li l-Ewropa u l-Punent ‘raw azzjonijiet tar-Russi li jmorru kontra l-istqarrijiet minn Moska’. Dan meta ssemmew ukoll sinjali li l-militar Russu kien qed jaħdem fuq il-mezzi ‘li jiffaċilitaw invażjoni tal-Ukrajna’.

Ir-Renju Unit enfasizza li l-pajjiżi tan-NATO huma magħqudin u determinati li jwieġbu ‘bis-serjetà’ għal kwalunkwe aggressjoni mir-Russja kif ukoll għat-theddida li qed tiffaċċja l-Ukrajna u li kapaċi taffettwa lis-sigurtà tal-Ewropa.