Minn stqarrija ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, jidher li 1,194 persuna kienu involuti f’inċident mhux fatali fuq il-post tax-xogħol fil-perjodu tat-tieni nofs tas-sena 2021.
“Il-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti mhux fatali jew 16.9 fil-mija seħħew fis-settur tal-manifattura, filwaqt li madwar 175 jew 14.7 fil-mija tal-inċidenti seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni segwit mit-trasport’’.
L-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika turi li meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020, in-numru ta’ inċidenti żdiedu b’35 fl-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel.
L-akbar sehem ta’ inċidenti fuq ix-xogħol matul il-perjodu ta’ referenza kien jinvolvi persuni li jaħdmu fihom impjiegi elementari segwiti minn ħaddiema tas-sengħa u snajja’ relatati.
L-istatistika maħruġa l-Ġimgħa filgħodu turi li kważi nofs tal-korrimenti fuq ix-xogħol affettwaw l-partijiet ta’ fuq tal-ġisem, fosthom is-swaba’ u l-idejn. Feriti u korrimenti superfiċjali, u dislokazzjonijiet, sprains u strains kienu l-aktar tipi komuni ta’ korrimenti, li jammontaw għal 691 u 283 każ rispettivament.
Fit-tieni nofs tal-2021, 30.3 fil-mija tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol seħħew f’intrapriżi b’500 impjegati jew aktar, filwaqt li fl-istess sena, ġew irrappurtati 873 inċident mhux fatali għal kull 100,000 persuna impjegata.
Bejn Lulju u Diċembru tas-sena 2021, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrapportat tliet inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol.



