Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista se jkun il-leħen tal-Pulizija waqt li l-Gvern qed jibqa’ jagħżel li jiddefendi lill-kriminali” – PN

“Il-Gvern qed jerġa’ jagħżel lill-kriminali fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija li ta kuljum iservu lilna ċ-ċittadini b’tant dedikazzjoni”.

Hekk stqarrew id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-kandidat għall-elezzjoni li jmiss Darren Carabott f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista quddiem id-Depot tal-Pulizija.

Wara li Darren Debono rrifjuta li jixhed fil-Qorti dwar dak li seħħ fis-serqa tal-HSBC li tulha kienu sparati xejn inqas minn 50 tir fid-direzzjoni ta’ membri tal korp, u minkejja li hu kellu ftehim mal-Avukat Ġenerali li jixhed dwar dan il-każ biex bi tpattija titnaqqaslu l-piena…il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għaldaroħra reġa’ naqas lil min jaħdem għall-ġid tal-pajjiż.

Beppe Fenech Adami qal li filwaqt li issa kien wasal iż-żmien li tant kienu ilhom jistennew il-membri tal-Korp fejn stennew li ssir ġustizzja magħhom fil-każ tal-attakk fuq il-membri tagħhom fis-serqa tal-HSBC, il-Gvern u l-istituzzjonijiet għażlu li jipproteġu lill-kriiminali.

Hu saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-leħen tas-sewwa li jaqbeż għal min jaħdem b’lealtà għall-pajjiż… bħal ma jagħmlu l-Pulizija tagħna ta’ kuljum.

Minn naħa tiegħu, il-kandidat Darren Carabott spjega kif il-Gvern qed jgħaddi messaġġ lil min dakinhar tas-serqa kien qed jaqdi dmiru biex jissalvagwardja ċ-ċittadin li dak ix-xogħol ma jiswa xejn.

Minn naħa l-oħra spjega kif il-Partit Nazzjonalista jibqa’ joħroġ bi proposti intiżi li jagħtu aktar dinjità lill-membri tal-Korp, fosthom il-proposta li tħabbret ftit tal-jiem ilu sabiex membri tal-Korp ikunu jistgħu jibqgħu jieħdu l-pensjoni li jkunu ħadmu għaliha anke jekk jagħżlu li jibqgħu iservu wara 25 sena servizz.