“Il-Maltin għandhom d-dritt għat-trasparenza assoluta minn naha tal-Prim Ministru Robert Abela…specjalment issa, wara li sirna nafu li nsterqu l-miljun tal-ewro”
Kien dan il-messaġġ li twassal mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u mill-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu b’rabta mal-iskandlu tat-tender li ngħata lill-kumpanija ta’ Christian Borg… liema tender seraq lill-Maltin madwar 3 miljun ewro mit-taxxi tagħna, biex ingħataw lil persuni qrib il-Partit Laburista.
Jason Azzopardi spjega kif, wara li żvela fil-Parlament li l-flus tal-multi mħallsa minn dawk li jkunu krew il-vetturi ta’ Christian Borg qatt ma waslu għand Transport Malta, id-Dipartiment tal-FCID ikkuntatjaw lil Azzopardi stess biex jgħaddi l-informazzjoni kollha li kellu. Kien biss wara li ngħataw l-ismijiet involuti lill-Pulizija li Transport Malta rritornat lura t-38 karozza li jagħmlu parti mit-tender li jmur lura għal Lulju tal-2020 – tender li nħareġ wara li Robert Abela sar Prim Ministru.
Minn naħa tiegħu, Peter Agius qal li t-trasparenza hi ta’ importanza kbira f’dan il-każ serjissimu. Hu saħaq li din l-istorja tirrifletti verament it-tmexxija ta’ Robert Abela, bil-Prim Ministru fl-ebda mument ma’ ċaħad il-fatti li ħarġu.
Fl-aħħar jiem kien żvelat l-involviment ta’ ufficjali tal-LESA u Transport Malta, flimkien ma’ Christian Borg dwar racket li ilu għaddej sa mill-2014 u li ammonta għal miljuni kbar ta’ ħlasijiet ta’ ċitazzjonijiet li żamm għandu Christian Borg u li m’għaddiex lil-LESA.
Kien żvelat ukoll kif jeżistu recordings, li issa jinsabu għand il-Pulizija fejn allegatment, Borg saħaq ma’ sħabu li m’għadhomx jinkwetaw għaliex għandhom magħhom lil persuna li rrefera għalih bħala ‘Bobby’.