Internazzjonali

Ir-Russja: Tħejjijiet għall-provi bil-missili… b’Moska ‘tinjora’ il-Konferenza ta’ Munich dwar is-sigurtà

Ir-Russja ma tidhirx li trid tnaqqas mit-tensjoni mal-Punent meta għadha żżomm l-għexieren tal-eluf tat-truppi – flimkien ma’ qawwiet tal-ajru u tal-baħar – fiz-zoni fejn huma kapaċi jieħdu sehem f’invażjoni potenzjali tal-Ukrajna.

L-aħħar rapporti qalu li — wara l-aħħar manuvri militari tal-qawwiet Russi f’territorji qrib tal-Ukrajna u fil-Belarus — il-President tar-Russja, Vladimir Putin, għada s-Sibt, għandu jissorvelja sensiela ta’ eżerċizzji simili mill-Armata tiegħu.

Jidher li l-eżerċizzji ġodda se jinkludu l-provi għall-missili ballistiċi u tat-tip cruise li jistgħu jintużaw waqt kwalunkwe aggressjoni kontra l-Ukrajna. U fis-sigħat li jmiss – bħala żvilupp ġdid u sinifikanti — għandhom isiru wkoll testijiet li juru ‘il-livell tat-tħejjija’ tal-armamenti nukleari ta’ Moska.

L-aġir tar-Russja qed ikompli jinkwieta lill-Punent u lill-Alleanza tan-NATO,  bl-Ukrajna żżid il-livell tal-allert fost l-ispinta fl-eżerċizzji għal ċivili li qed jitħarrġu bħala milizzji riservisti tal-Armata Ukrena. Dan meta eluf ta’ ċivili u voluntiera Ukreni kapaċi, minn ħin għall-ieħor, ikollhom jilqgħu ‘il-furja’ tal-magna tal-gwerra ta’ Vladimir Putin.

Sadanittant, il-Kremlin f’Moska qed jgħid li l-eżerċizzji militari huma ‘regolari’ u mgħandhomx jitqiesu bħala ‘fażi ġdida fil-konfront mal-Ukrajna.’

Madankollu, hu ta’ tħassib il-fatt li r-Russja – għall-ewwel darba mill-1999 – ma bagħtitx ir-rappreżentanti għall-Konferenza dwar is-Sigurtà ta’ Munich ( fil-Ġermanja) li se tagħlaq il-Ħadd,. Dan meta l-mexxejja tad-dinja qegħdin jattendu għal din il-konferenza, fejn l-invażjoni potenzjali tal-Ukrajna qed tingħata l-ogħla priorità.

It-truppi Russi ilhom jinġemgħu mal-fruntiera tal-Ukrajna minn Novembru waqt li r-Russja mhix titlef opportunità biex ‘tirredikola’ l-istqarrijiet tal-Punent rigward ‘it-tħejjijiet għall-aggressjoni’ mill-qawwiet ta’ Moska.

Iżda s-sinjali qed juru mod ieħor, bil-President Putin, fl-aħħar sigħat, ilaqqa lill-membri tal-Kabinett tas-Sigurtà tiegħu biex, flimkien, janalizzaw ir-reazzjoni tal-Istati Uniti għad-domandi ta’ Moska rigward ‘il-funzjoni u espansjoni tan-NATO’.

U waqt li l-invażjoni tal-Ukrajna qed terġa’ titqies bħala ‘kważi imminenti’, Il-Ministru tal-Ġermanja għall-Affarijiet Barranin, Annalena Baerbock, akkużat lir-Russja dwar ‘atteġġjament li jfakkar fil-Gwerra Bierda tas-seklu l-ieħor’. Skont Baerbock, Moska ‘qed tippersisti biex tisfida u tabbuża’ il-prinċipji fundamentali tal-istrutturi għall-paċi fl-Ewropa.