Lokali

“Irridu pajjiż sikur mhux wieħed li jipproteġi lill-kriminali” – Repubblika

“Irridu pajjiż sikur. Irridu pajjiż li jixraq lilna u lil uliedna.

Aħna wegħdna kemm-il darba li se nibqgħu niġġieldu biex dan niksbuh. Illejla flimkien f’din it-triq qed inġeddu din il-wegħda”.

Hekk stqarr Robert Aquilina, President tal-għaqda Repubblika meta quddiem l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali mexxa protesta wara li Darren Debono magħruf bħala t-Topo qal li ma jridx jixhed fuq persuni oħra involuti fis-serqa tal-HSBC, minkejja li ingħata maħfra għal parti mill-akkużi li kellu fuqu.

Aquilina qal li issa huwa evidenti li l-Avukat Ġenerali għażlet li tiftiehem ma kriminal li lest ma jikxifx… meta injorat għal kollox kriminali li ddikjaraw li lesti jixhdu u jsemmu min kien kompliċi f’din is-serqa.

Debono jinsab akkużat li kien kompliċi fis-serqa tal-HSBC fejn ġew sparati mas-56 tir fil-konfront tal-Pulizija, iżda Aquilina qal li dik li kienet biss daqqa ta’ pinna għal Victoria Buttigieg kienet daqqa ta’ stallett għall-membri tal-Korp.

Il-President ta’ Repubblika qal li mhux ta’ b’xejn li l-Pulizija jinsabu rrabbjati  u esprima s-solidarjetà magħhom filwaqt li ndirizza lill-Kummissarju tal-Pulizija u staqsieh għaliex għad hemm il-kriminali jiġru barra flok jinsabu imsakkrin f’Kordin u qallu li ma jistax jibqa’ aktar sieket. Fl-aħħar, Robert Aquilina appella lill-Prim Ministru jneħħi lil Carmelo Abela u lil Edward Zammit Lewis, u qallu li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jistgħux jibqgħu jintużaw biex ikunu protetti nies kriminali.