Artiklu: Stewart Said
MALTA……………. 28
IRLANDA………… 4
(5-0), (8-0), (7-1), (8-3)
It-tim nazzjonali Malti jinsab pass bogħod mir-raba’ kwalifikazzjoni konsekuttiva għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Ebda sorpriża kontra tim dgħajjef iżda l-kwalità tal-avversarji mhix responsabbiltà tat-tim immexxi minn Karl Izzo.
Madankollu, it-tim Malti biss kellu x’jitlef minn din il-logħba u l-kowċ Izzo għamel ċert li jibqa’ jitlob il-massimu mill-plejers filwaqt li sab ħin ukoll biex jagħti spazju lill-plejers kollha. Nieqes mill-formazzjoni kien hemm Andreas Galea li kien ma jiflaħx minbarra l-plejers li ma kinux fl-iskwadra fosthom Stevie Camilleri u Jerome Gabarretta.
Kif mistenni, it-tim Malti fetaħ mill-ewwel ifittex vantaġġ komdu. Jake Muscat fetaħ l-iskor fl-ewwel azzjoni tal-logħba minn man-up, bl-istess plejer jiskorja t-tieni gowl. Matthew Zammit kabbar il-vantaġġ minn penalty u madwar tliet minuti mit-tmiem, Zammit għamilhom 4-0. Minuta wara, kien imiss lil Ben Plumpton li wkoll skorja minn man-up.
Minkejja l-vantaġġ tajjeb, il-plejers Maltin baqgħu jattakkaw u għamluha diffiċli għall-Irlandiżi biex anki jimpenjaw lil Nicky Grixti. Medja ta’ gowl f’kull minuta tat-tieni sessjoni. Doppjetti minn Jake Muscat, Ben Plumpton u Dino Zammit flimkien ma’ gowls ta’ Zach Mizzi u Matthew Zammit.
Fit-tielet sessjoni, spazju wkoll għall-gowlkiper ta’ riserva Jake Tanti, bil-kowċ Karl Izzo jagħmel ir-rotazzjoni fit-tim. Il-gowls baqgħu ġejjin u din id-darba kien imiss lil Matthew Mifsud u Dino Zammit biex jiskorjaw doppjetta kull wieħed, bit-tliet gowls l-oħra jaslu minn Matthew Zammit, Ben Plumpton u Jamie Gambin. Wara 17-il gowl konsekuttiv, l-Irlanda skorjat l-ewwel gowl tagħha ftit anqas minn tliet minuti mit-tmiem is-sessjoni permezz ta’ Stiofan McMahon.
It-tim Malti baqa’ jamministra l-logħba sat-tmiem, bl-Irlandiżi tal-anqas jirnexxilhom isibu x-xibka aktar minn gowl. Mit-tmien gowls skorjati, erba’ minnhom waslu fl-aħħar żewġ minuti u nofs għal rebħa dominanti.
Malta: N. Grixti, J. Muscat (6), M. Mifsud (2), J. Gambin (3), Da. Zammit, M. Zammit (6), B. Plumpton (5), J. Camilleri, J. Abela, N. Zammit (1), Z. Mizzi (1), Di. Zammit (4), J. Tanti
Irlanda: E. Doyle, B. Murphy, C. Walshe, C. Devlin, M. Hynes, A. Caulfield, S. McMahon (3), M. Connolly, E. Bridgeman, M. Fitzgerald (1), A. Mullaney, C. Colvin, S. Gaffney O’Brien
Referees: Erwin Schapers (Olanda), Tomi Kavcic (Slovenja)
Il-logħob tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni
Għada
Rumanija v Irlanda 5.00pm
Malta v Litwanja 6.30pm
Il-Ħadd
Irlanda v Litwanja 9.00am
Malta v Rumanija 10.30am
RUMANIJA………. 14
LITWANJA……….. 1
(1-0), (5-0), (4-1), (4-0)
Rumanija: M. Tic, A. Neamtu, A. Vatrai (1), M. Gheorghe (1), A. Gheorghe, A. Prioteasa (2), V. Dragomirescu (3), T. Fulea (4), S. Colodrovschi (1), V. Georgescu (2), F. Czenk, L. Vancsik, A. Mihaluta
Litwanja: S. Motuzas, K. Blazevic, D. Tomasevski, R. Jakutis, P. Vadvilavicius, A. Jonkus, M. Pelakauskas, G. Zurza, J. Galinok (1), E. Pumputis, D. Vitkauskas, J. Balcikonis
Referees: Peter Radic (Slovakkja), Lukasz Krol (Polonja)
Peter Balzan fl-Iżrael
Ir-referee Malti Peter Balzan bħalissa jinsab fl-Iżrael hekk kif hu parti mill-grupp ta’ referees li se jikkontrollaw partiti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ din is-sena. Balzan li hu meqjus bħala wieħed mill-aktar referees ta’ esperjenza fl-Ewropa, se jkun qed jikkontrolla logħbiet mill-grupp li jinvolvi l-Iżrael, it-Turkija, l-Olanda u l-Ukrajna.
//= $special ?>