Internazzjonali

L-Indja: Kundannati għall-mewt dwar it-terrur tal-2008

Qorti fl-Indja kkundannat għall-mewt lil 38 persuna għar-rwol tagħhom fl- isplużjonijiet tal-2008 li ħallew straġi u dmija fl-Istat ta’ Gujarat, lejn il-Punent tal-pajjiż. Fl-attakki, li kkonċentraw fuq l-inħawi ta’ Ahmedabad, il-kapitali kummerċjali ta’ Gujarat, kienu mietu talanqas 60, b’mijiet oħra jisfaw midruba

Intant, il-qorti f’Ahmedabad – waqt li kkonfermat is-sentenzi tal-mewt – ikkundannat ħdax-il imputat ieħor għall-priġunerija għal għomorhom ‘bl-ebda ċans ta’ libertà’. Madankollu, l-akkużati se jkunu jistgħu jikkuntestaw dawn is-sentenzi quddiem qorti superjuri.

L-attakki inkwistjoni seħħew fis-26 ta’ Lulju tal-2008 meta splodew 20 bomba fi spazju ta’ siegħa qalb iz-zoni residenzjali u s-swieq ta’ Ahmedabad – bl-attakki jikkonċentraw ukoll fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku u l-isptarijiet tal-belt. Intant, kienu nstabu wkoll numru ta’ bombi li baqgħu ma splodewx.

Il-grupp tal-militanti Iżlamiċi ‘Mujahideen tal-Indja’ kien ħa r-responsabbiltà għall-isplużjonijiet, bil-Gvern Indjan jiddikjara l-moviment bħala wieħed terroristiku.

B’kollox, mat-78 persuna spiċċaw ipproċessati mill-qrati b’konnessjoni mal-attakki, b’uħud ikunu dikjarati innoċenti mill-akkużi miġjuba kontrihom.