Lokali

Minflok jieħu ħsieb il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, jiddeċiedi li jżommu għalih – PN

“Il-Ministru Anton Refalo, li kien Chairman ta’ Heritage Malta, missu jifhem l-importanza li tieħdu ħsieb il-wirt kulturali ta’ pajjiżna… iżda minflok iddeċieda li jżommu patrimonju storiku għalih.”

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa wara nofsinhar mid-Deputat Karl Gouder u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali, Justin Schembri ….dwar l-istorja żvelata minn The Shift News li l-Ministru Refalo għandu fil-pussess tiegħu patrimonju storiku protett, li poggih ħdejn il-pool tiegħu.

Il-patrimonju storiku huwa ġebla antika, bl-inizjali tar-Reġina Victoria mnaqqxa fuqha – wirt hu protett bil-liġi Maltija bħala patrimonju nazzjonali.

Il-ġebla tidher li ġiet restawrata… bil-Ministru Refalo ma weġibx kif dan il-patrimonju storiku spiċċa fil-pussess tiegħu u għaliex ma rraportax lill-Awtoritajiet. Iżda minflok iddeċieda li jpoġġiha fuq pedestal.

Dan wassal biex fl-ahhar sighat sar raid fuq id-dar tal-Ministru, mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.

Karl Gouder spjega kif minkejja li għaddew il-ġranet mindu ġie żvelat dan kollu, la l-Prim Ministru u lanqas il-Kummissarju tal-Pulizija ma lissnu kelma, minkejja l-importanza ta’ dan il-wirt kulturali u nazzjonali. Kien għalhekk li Karl Gouder talab li ssir investigazzjoni biex verament nipproteġu il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

Minn naħa l-oħra, Justin Schembri qal li l-politiċi għandhom imexxu lil pajjiżna bl-eżempju u mhux biss bil-paroli.

Intant….mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Prim Ministru Robert Abela minn The Shift News dwar x’azzjonijiet se jkun qed jieħu dwar il-Ministru tiegħu stess, baqghu kompletament injorati.