Żagħżugħ ta’ 25 sena minn Ħal Qormi ġie mmultat €10,000 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Simone Grech l-involviment tiegħu fil-logħob tal-ażżard. Chris Barbara ammetta li bejn l-1 ta’ Settembru 2020, u 20 ta’ Awwissu 2021, offra servizz tal-logħob li jeħtieġu licenzja, maħruġa mill-Awtorità tal-Logħob jew minn awtorita’ oħra kompetenti fl-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
Huwa ammetta wkoll li rċieva jew żamm flus, proprjeta’ (kemm jekk mobbli jew immobbli) jew xi rikavat minn dawk il-flus jew minn dik i-proprjetà bil-ħsieb li jaħbi jew jikkonvertihom ma’ xi att ta’ kommissjoni ta’ reat. Meta tressaq il-Qorti huwa ma kienx ammetta.
Dak inhar mkien ingħad kif f’Jannar tas-sena l-oħra, l-Pulizija kienet arrestat ġuvni ta’ 21 sena fuq akkużi simili. Ħareġ li kif dan kellu mobile b’diversi chats, waħda minnhom kienet tal-imputat, fejn kienu ftehmu fuq il-logħob tal-azzard. Kien ingħad ukoll li Barbara għandu vizzju tal-logħob tal-azzard li qed jikkontrollalu ħajtu, tant li akkumula dejn sostanzjali.
Il-Qorti qalet li rat id-dokumenti prodotti u semgħet il-provi kif ukoll l-ammissjoni tal-imputat, li reġgħet ġiet ikkonfermata wara li l-Qorti tagħtu żmien raġjonevoli biex jirrikonsidraha, u wara li l-istess Qorti spjegat lill-imputat, il-pieni li jġorru magħhom dawn l-akkużi, hija semgħet trattazzjoni dwar il-piena.
Wara l-Qorti kkunsidrat u qieset li l-ammissjoni tal-imputat, ma kinitx waħda bikrija. Qieset ukoll il-fedina penali tal-tiegħu, kif ukoll il-fatt li kkopera mal Pulizija fl-investigazzjonijiet li saru. Qieset ukoll l-età ta’ Barbara. Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu l-piena idoneja, għandha tkun dik ta’ kundanna għal ħlas ta’ multa fil-minimu tagħha.
Għaldaqstant wara li l-Qorti, rat l-Artikoli tal-liġi sabetfuq ammissjoni tiegħu, lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet kollha mressqa fil-konfront tiegħu, u kundannatu għal ħlas ta’ multa ta’ €10,000. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi George Frendo u Wayne Rodney Borg.