“Qalbi maqsuma waqt li nsellmu lill-għażiż żewġi”. Hekk kitbet Moira Stafrace, fl-aħħar ħin filwaqt li ħabbret il-mewt ta’ Chris, li kien in-nofs l-ieħor tal-koppja li fost l-oħrajn irrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-1994.
Fit-tislima li tat lil żewġha fuq Facebook, Moira ddeskriviet lil żewġha l-aqwa ħabib tagħha, mentor mużikali, kumpann tal-ivvjaġġar, u d-dell tagħha għal dawn l-aħħar 27 sena.
Hi rringrazzjat lil Chris għall-esperjenzi mill-isbaħ li qasmu flimkien.
Moira u Chris kienu wkoll awturi tal-kanzunetta Believe in Peace, li kienet kantanta minn Times Three u li wkoll irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1999 f’Ġerusalemm.
Chris kien beda l-istudji mużikali tiegħu ta’ età żgħira u fiż-żgħożija tiegħu għamel snin twal ikanta freelance fir-Renju Unit. Lura f’Malta kien attiv sew fix-xena mużikali u kien propju waqt il-Malta Song Festival tal-1993 li ltaqa’ ma Moira, biex sena wara kkontestaw dan il-festival bħala dwett. Huma rebħu l-festival biex f’Mejju f’Dublin ikklassifikaw fil-ħames post. Riżultat prestiġġjuż għal pajjiżna.
Bosta kienu dawk li kkummentaw fuq Facebook u sellmu lil Chris malli semgħu bl-aħbar tal-mewt tiegħu.
Fost dawn, il-Kap tal-PN Bernard Grech illi sellem il-memorja ta’ Chris u rrefera għalih bħala kantant illi ġab ferħ bit-talent tiegħi, u li irrappreżentajt lil pajjiżna bl-aqwa mod. “Kondoljanzi lill-għeżież kollha tiegħu f’dan il-mument diffiċli.”
Chris iħalli warajh lil martu Moira, u wkoll lil bintu Michaela.
//= $special ?>