Lokali

X’rabtiet għandhom il-Ministri ma’ Christian Borg?

Hekk kif komplew ħerġin aktar allegazzjonijiet serji fil-konfront tal-ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela, Christian Borg, li qed jaffaċja akkużi serji fil-Qorti, diversi Ministri qed jagħmlu minn kollox biex ma jiċċapsux ma’ din l-istorja u mal-involviment ta’ Abela.

Dan għaliex, filwaqt li l-Prim Ministru stess ikkonferma li kellu rabtiet mill-qrib ma’ Christian Borg, il-Ministri fil-Kabinett tiegħu għażlu li jżommu ‘l bogħod minn din is-saga sħiħa. U qed ikunu ċari ħafna fit-tweġibiet tagħhom biex żgur ma jiġrilhomx bħal Abela.

Dan jikkuntrasta ferm ma kif aġixxa il-Prim Ministru quddiem domandi dwar Christian Borg, li bħalissa jinsab akkużat fil-Qorti f’każ ta’ ħtif ta’ persuna u theddid.

Kuntrarju ghall-Ministri Aaron Farrugia u Clifton Grima…deputati oħrajn għażlu li jirrepetu l-istess retorika tal-Mexxej tagħhom biex joħorġu għonqhom għalih.

Dawn l-iżviluppi kollha jaslu fl-istess żmien li fih it-Times of Malta żvelat ritratt li juri lill-ħabib ta’ Robert Abela, Christian Borg, fil-bini ta’ Kastilja.

Dan ir-ritratt jidher li ttieħed fl-2018, meta Robert Abela kellu uffiċċju f’Kastilja …b’sorsi jgħidu illi possibbilment kien il-Prim Ministru tal-lum li rranġa biex il-ħabib tiegħu Christian Borg jiltaqa’ maċ-Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri.

Dan l-isem ta’ Christian Borg ħarbat sew il-ħidma tal-Gvern Laburista hekk kif il-Prim Ministru reġa’ jinsab f’nofs skandlu li ma jistax jeħles minnu… meta qed ikomplu joħorġu aktar stejjer dwar ir-relazzjoni bejn  Robert Abela u Christian Borg.

Dan apparti dettalji dwar l-involviment ta’ ufficjali tal-LESA u Transport Malta, flimkien ma’ Christian Borg – racket li ilu għaddej sa mill-2014 u li ammonta għal miljuni kbar ta’ ħlasijiet ta’ ċitazzjonijiet li żamm għandu Christian Borg u li m’għaddiex lil-LESA. Żvelat ukoll kifi jezistu recordings, li issa jinsabu għand il-Pulizija fejn allegatment, Borg saħaq ma sħabu li m’għadhomx jinkwetaw għaliex għandhom magħhom lil persuna li rrefera għalih bħala ‘Bobby’.