Il-Forum Konsultattiv tal-Ippjanar (IPCF) suppost inħatar biex jiddiskuti materji ta’ importanza ambjentali u li iżda spiċċa jiddiskuti l-green walls. Hekk saħqet Astrid Vella minn ‘Flimkien Għal Ambjent Aħjar’ meta ħabbret li rriżenjat minn dan il-Forum li jidher li inħatar għalxejn.
Meta l-IPCF beda fl-2020, l-eNGOs maħtura għall-Forum kienu imwiegħda li se jagħtu prijorità lill-kwistjonijiet ta’ ppjanar li jagħmlu l-aktar ħsara. Madankollu, huma ngħataw struzzjonijiet biex jiffokaw fuq kwistjonijiet mhux essenzjali bħal green walls. Filfatt fl-2021, l-IPCF suppost kellu jittratta kwistjonijiet importanti ta’ ppjanar iżda bilkemm iltaqa’. Sadanittant, saħqet l-FAA fi stqarrija, qed issir ħsara permanenti lill-Ambjent ta’ madwarna. L-FAA qalet li ma tistax taċċetta l-qerda kontinwa tal-wirt Malti li kompliet bla waqfien.
Fl-istqarrija li fiha tħabbret ir-riżenja ta’ Astrid Vella, ingħtaw diversi eżempji tal-qerda ambjentali fejn intqal ukoll li l-attitudni tal-Gvern hija waħda ħażina ferm għaliex qed tonqos milli tippjana u kawża ta’ dan il-Kunsilli Lokali u l-ghaqdiet ambjentali qed jispiċċaw jonfqu ħafna flus biex jappellaw u jikkumbattu kontra deċiżjonijiet li qed jeqirdu l-ambjent.
Huma fakkru kif diversi wegħdiet tal-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia, sentejn wara li hu tpoġġa’ fil-kariga għadhom ma seħħewx. L-FAA qalet li l-NGOs u l-pubbliku qed jiġu trattati b’arroganza u diżrispett fuq bordijiet fejn jiġu deċiżi l-aktar proġetti ta’ ħsara ambjentali. Bl-istess mod, l-awtoritajiet qed jinjoraw it-talbiet tal-NGOs.
Fl-istqarrija, l-FAA qalet li matul is-snin li għaddew, Malta u speċjalment l-ambjenti urban u rurali ta’ Għawdex iddeterjoraw. Il-kwalità tal-ħajja marret għall-agħar filwaqt li l-bini għoli ħarbat il-karattru u l-pajsaġġi tat-toroq tal-bliet u l-irħula ta’ Malta u l-infrastruttura ma tistax tlaħħaq mal-iżvilupp frenetiku żejjed u ż-żieda fit-traffiku.
Għal dawn ir-raġunijiet, Astrid Vella, rappreżentanta tal-FAA, irriżenjat mill-IPCF peress li ma jistgħux ikomplu jiffurmaw “parti minn organizzazzjoni li essenzjalment hija finta.”
//= $special ?>