Bqajna mingħajr risposta filwaqt li kemm l-istudenti, il-ġenituri u kif ukoll l-għalliema huma inkwetati bis-sitwazzjoni fil-kulleġġ San Ġorġ Preca, il-Liċeo, fil-Ħamrun. Wara żewġ tentattivi, il-Kap tal-Iskola baqgħet ma wieġbet l-ebda email b’domandi ta’ tħassib kbir fuq is-sitwazzjoni tal-istudenti, b’episodji li rajna fil-jiem li għaddew ta’ bullying.
Net News fl-aħħar jiem irċieva kemm telefonati u kif ukoll messaġġi mingħand numru ta’ għalliema dwar is-sitwazzjoni fil-kulleġġ. Għalliema qalu magħna li jibżgħu minn uħud mit-tfal għax anki huma jiġu mhedda kontinwament… b’għalliema minnhom qalet magħna li jagħmlu x’jagħmlu fil-kulleġġ, dejjem l-għalliema u l-istudenti bilgħaqal jaqilgħuha fuq wiċċhom.
Oħrajn qalu magħna li għalkemm jitkellmu mat-tmexxija, ma jsibu l-ebda protezzjoni m’għand ħadd. Bin-nuqqas ta’ ħarsien kemm fuqhom, u kif ukoll fuq l-istudenti li qed jiġu mhedda u msawta.
Fl-1 ta’ Frar, dan l-istazzjon bagħat numru ta’ domandi lill-Kap tal-Kulleġġ, fejn saqsejna: X’miżuri qed jittieħdu fil-kulleġġ biex din il-vjolenza ma tibqax issir? Saqsejna wkoll fuq: Kemm il-sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġenituri dwar il-bullying saret, qabel inħarġet din l-istorja fuq il-mezzi tal-aħbarjiet? Saqsejna wkoll x’għajnuna qed jagħti l-kulleġġ għall-istudenti vittmi tal-bullying? Mistoqsijiet leġittimi, li bagħtu ħafna mill-ġenituri inkwetati bis-sitwazzjoni fil-Kulleġġ. Fl-14 ta’ Frar, għamilna tentattiv ieħor…. iżda erġajna bqajna bla tweġiba. Bit-tħassib tal-ġenituri għadu mhux imwieġeb, u bil-problemi għadhom jippersistu.
Ġenituri li kellmuna qalulna, li l-amministrazzjoni kellha ċans tibgħat korrispondenza lill-ġenituri wara li dehru stejjer fuq Net News rigward dan abbuż, abbuż fejn anki l-pulizija kkonfermat li kien hemm numru ta’ rapporti…. Madankollu l-istess amministrazzjoni baqgħet ma weġbitx dan it-tħassib tal-ġenituri u l-istudenti li jagħmlu parti minn dan il-Kulleġġ….
Bis-silenzju tat-tmexxija… is-sentiment komuni tal-ġenituri, studenti u anki għalliema issa qed ikompli jissaħħaħ, b’ħafna jappellaw biex jittieħdu d-deċizzjonijiet li jħarsu lil dawk li huma bilgħaqal u ma jibqax dan is-silenzju li qed jaqdi biss il-funzjoni li jipproteġu lil min qed iwettaq dan l-abbuż.