“Il-flus li l-poplu jafda f’idejna se nonfquhom għall-ġid tal-poplu u mhux mal-ħbieb” – Kienet din il-wegħda ċara li għamel il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien intervistat fuq Net FM. Il-Kap tal-PN kien qed jispjega l-viżjoni tiegħu għal Malta u għal Għawdex fejn kompla juri kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jġib il-fondi biex jgħin lill-ħaddiema u lill-familji Maltin u Għawdxin.
Hawnhekk, Bernard Grech tkellem dwar il-proposta tal-IVF fejn stqarr li jieħu gost li l-Gvern wiegħed li se jagħti l-mediċina tal-IVF b’xejn lill-kopji li jixtiequ li jkollhom tarbija, fejn ssaħaq li “nieħdu gost bil-ġid, għaliex dak li ħabbar il-Gvern turi biċ-ċar li anke mill-Oppożizzjoni diġa għamilna l-ġid.” Bernard Grech, fakkar kif il-Gvern qed jammetti li meta hu kien qal li Gvern ġdid tal-PN se jagħti l-mediċina b’xejn, minkejja l-kampanja fuq ix-xandir nazzjonali, il-Partit Laburista fl-aħħar irrealizza li l-PN kellu raġun u n-nies bdew jindunaw li l-Gvern tal-Labour kien qed jidħaq bihom meta rredikola dak li kien qed jitkellem dwaru l-PN.
Il-Kap tal-PN spjega kif ilu jappella lill-Gvern biex ma jibqax iberbaq il-flus fuq il-ħbieb, fosthom il-Campaign Manager ta’ Chris Fearne li qed tieħu paga ta’ 163,000 Ewro. Dan għaliex, b’dawk il-flus seta’ jgħin madwar 50 koppja bil-mediċini tal-IVF. Bernard Grech saħaq li minkejja li issa l-Gvern qed jammetti li l-PN kellu raġun, xorta qed jitfa’ piż fuq il-koppji li jagħmlu użu minn dan it-trattament għaliex mhux kulħadd jista’ jħallas u jistenna refund. Minn naħa l-oħra l-wegħda tal-PN hija ċara; “aħna se nħallsu din il-mediċina kollha, għaliex il-flus li l-poplu jafda f’idejna nonfquhom għall-gid tal-poplu u mhux mal-hbieb.”
Proposta oħra li Bernard Grech kompla jispjega kienet dik li tirrigwarda l-Korp tal-Pulizija fejn spjega kif investiment fil-korp huwa investimet fil-pajjiż, għaliex b’dan li qed jipproponi l-PN, pulizija jkun jista’ jibqa’ jagħti servizz bl-esperjenza tiegħu jew tagħha, filwaqt li jibqa’ jieħu l-pensjoni tas-servizz flimkien mal-paga. Il-Kap tal-PN saħaq li din hija “wegħda ċara ħafna li se nindirizzaw jekk il-poplu jtina l-fiduċja.”
Bernard Grech tkellem ukoll dwar is-serq li għadu għaddej fil-kontijiet fejn stqarr illi li tisraq lin-nies mhux anomalija. Hu saħaq li jemmen li l-Gvern, primarjament, fl-2013 ma biddilx il-mod li bih jinħadmu l-kontijiet biex jisraq iżda l-fatt li fl-aħħar snin ikkonferma li hemm is-serq u l-fatt li se jibqa’ ma jagħtix flus lura huwa inkwetanti ħafna.
Il-Kap tal-PN fakkar kif kien il-PN li għamel kampanja ta’ aktar minn tliet snin li biha wera bil-provi kif qed ikun hemm is-serq mill-kontijiet u fakkar kif filwaqt li l-Gvern Laburista għadu qed jisraq u mhux se jagħti l-flus lura, Gvern ġdid Nazzjonalista jħallas kull ċenteżmu lura lill-familji Maltin u Għawdxin. Hawnhekk, Bernard Grech spjega minn fejn se jġib il-flus biex dawn il-ħlasijiet ejda jitħallsu lura fejn saħaq li mhux se jkun qed jaħli flus il-poplu f’pagi bombastiċi f’persons of trust għaliex “dawn huma flus il-poplu, flus il-ħaddiem, il-familja, l-istudenti u allura Gvern ġdid tal-PN se jagħtihom lura.”
Matul din l-intervista li xxandret ukoll fuq Facebook, Bernard Grech fakkar kif issa kellna konferma li n-nies qed jinsterqu mill-income tax, serq ta’ bejn 90 u 120 Ewro fis-sena. “Ilu jisirqek mill-2015, jaf li qed jisirqek, imma imbgħad itik cheque biex taparsi qed jghinek. Tisraqhom u ttihom cheque taparsi qed tghinhom.” Bernard Grech saħaq li importanti li ngħinu lill-poplu iżda mhux minn flusu stess; “Mhux se nisirquk u Gvern immexxi minni se jaħdem mhux biss biex ma nieħdulekx flus, imma biex ikollok aktar flus fil-but u tgħix ħajja diċenti.” Din hija d-differenza bejn il-Prim Ministru Robert Abela li qed jisirqek u Prim Ministru ġdid, għaliex “jekk tagħti fiduċja lili, jkollok Prim Ministru li se jkun qed jara kif jinvesti fik, iġib aktar xogħol u pilastri ekonomiċi ġodda, biex inti, tgħix ħajja diċenti, b’iktar flus fil-but.”
//= $special ?>