Lokali

Kurt Cassar jgħaddi għall-finali tal-festival ta’ San Marino għall-Eurovision

“Bid-dmugħ ta’ ferħ u qalb mimlija eċċitament ninsab kuntent li rnexxieli nagħmilha mal-aqwa 9 fil-finali tal-festival ta’ San Marino għall-Eurovision. Dan ifisser li għada se nkun qed naqsam il-palk ma’ wħud mill-aqwa talent globali.”

Dan kien il-kliem ta’ Kurt Cassar, iż-żgħażugħ Malti ta’ 27 sena, fejn ilbieraħ filgħaxija, fuq post imtella’ fuq il-media socjali ħabbar li rnexxilu jgħaddi mill-fazi tas-semi finali tal-Ġimgħa 18 ta’ Frar tal-festival bl-isem Una Voce per San Marino.

Dan ifisser li hekk kif llum ser ikun qed jitella l-finali ta’ dan il-festival li jwassal sabiex jiġi magħżul artist li se jirrappreżenta lil San Marino fil-Eurovision Song Contest ta’ Mejju li ġej, Kurt Cassar se jkun wieħed mill-Finalisti u se jkun qed jikkompeti bil-kanzunetta Tears of Gold.

Kurt Cassar ser ikun qed jikkompeti ma’ diversi artisti stabbiliti fosthom Achille Lauro, Spagna, Valerio Scanu, Matteo Faustini u Francesco Monte.

Kurt Cassar huwa wiċċ familjari ma bosta. Dan għaliex tul is-snin fil-karriera mużikali tiegħu, ikompeta f’diversi kompetizzjonijiet mużikali, fosthom f’New Wave fir-Russja, il-Festival Show 2017 fl-Italja, kif ukoll l-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta fl-2018.