Lokali

L-istudenti gradwati fil-Master għall-avukat għad m’għandhomx data tal-eżami tal-warrant

L-Għaqda Studenti tal-Liġi flimkien ma’ Elsa Malta li huma organizzazzjonijiet tal-istudenti tal-liġi esprimew it-tħassib tagħhom fuq il-media soċjali peress li l-istudenti li ggradwaw reċentement mill-Kors tal-Masters għall-avukat għadhom ma rċevewx id-data għall-eżami tal-warrant tagħhom.

L-eżami tal-warrant normalment jitħabbar fil-bidu ta’ Diċembru u jsir f’Jannar b’seduta oħra li ssir f’Lulju .. Pero sa issa dawn għadhom fil-għama u mingħajr ħjiel dwar id-data tal-eżami.

Fil-post imtella fuq Facebook, Għsl flimkien ma’ Elsa Malta kitbu “Sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, l-istudenti li ggradwaw reċentement mill-Kors tal-Masters għall-avukat u kienu qed jistennew li jpoġġu għall-eżami tal-warrant tagħhom fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena .. ma rċevew ebda indikazzjoni jew komunikazzjoni formali ta’ meta għandu jsir l-eżami.”

“Minħabba dan id-dewmien bla bżonn, dawn l-istudenti li ggradwaw reċentement mill-Kors ma jistgħux jaħdmu fil-professjoni li ilhom tant snin jistinkaw u jistudjaw għaliha u joffru pariri legali. Apparti dan, dawn l-istudenti ma jistgħux jidhru fil-Qorti u jassiguraw lilhom infushom f’impjieg stabbli,” tennew l-organizzazzjonijiet tal-istudenti tal-liġi.

B’hekk, minħabba din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza, Għsl u Elsa Malta qed jappellaw lill-awtoritajiet rispettivi sabiex jiċċaraw dawn l-inċertezzi u jħabbru d-data tal-eżami tal-warrant sabiex l-istudenti li ggradwaw reċentement mill-Kors tal-Masters għall-avukat jkunu jistgħu jippratikkaw il-professjoni legali f’malta.