Internazzjonali

L-Ukrajna f’limbu politiku

Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna kompliet tikkumplika lilha nfisha hekk kif diversi deputati fil-Gvern Ukren jinsabu konfużi u rrabjati għall-fatt li l-gvern Russu qed ikompli jiddetta l-futur tal-poplu Ukren.

Is-Segretarju tas-Sigurta u d-Difiża Nazzjonali tal-Ukrajna Oleksiy Danilov stqarr li l-pajjiżi tal-Punent qed jaqgħu fin-nassa tal-President Russu Vladimir Putin, jekk jaħsbu li l-aggressjoni mill-Kremlin lejn Kyiv se tieqaf jekk l-Ukrajna tiddeċiedi li ma tissieħibx fin-NATO.

Danilov stqarr li mhux minnu li r-Russja mmobilizzat madwar 100,000 suldat fuq il-fruntiera tal-Ukrajna biex twaqqaf lill-pajjiż milli jissieħeb fin-NATO.

Danilov kompla biex jgħid li fl-2008 in-NATO kienet diġa ddikjarat li l-Ukrajna u l-Ġeorġja kienu jingħqdu ma’ din l-organizzazzjoni fi snin li ġejjin, madankollu s’issa dan baqa’ ma kienx il-każ.

Danilov irrimarka li din il-wegħda ma saritx realtà minħabba l-inabbilta li l-pajjiżi tal-Punent jingħaqdu flimkien u juru lill-Ukrajna r-rispett li jixirqilha billi jipproteġuha mill-avvanzi militari tar-Russja.

Dan il-fatt huwa ċar anke fil-Kostituzzjoni tal-Ukrajna li juri l-ħtieġa li l-pajjiż mhux talli jissieħeb fin-NATO imma wkoll fl-Unjoni Ewropea.

Madankollu, dawn il-pjanijiet jidru li se jibqgħu fuq l-ixkaffa, hekk kif waqt laqgħa fi Kyiv bejn il-Kanċillier Germaniż Olaf Scholz u l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskiy iż-żewġ mexxejja rreferew għas-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO bħala sempliċiment ħolma, b’Zelenskiy jissuġerixxi sempliċiment garanzijja mill-pajjiżi tal-Punent biex jipproteġu lil-Ukrajna f’każ ta’ kunflitt.

Sadanittant, dan is-suġġeriment ma niżielx tajjeb ma’ diversi esperti bħal Danilov, li saħqu li l-aggressjoni riċenti mir-Russja għada biss il-bidu.