Rapport: Stewart Said
MALTA………….. 19
LITWANJA…….. 5
(5-2), (4-3), (2-0), (8-0)
L-eċċezzjoni issa ġiet normalità. Dak li reġgħu mmiraw għalih wasal. Il-waterpolo lokali reġa’ ta sodisfazzjon lill-isport lokali bir-raba’ kwalifikazzjoni konsekuttiva għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew, jiġifieri post mal-aqwa 16 tal-Ewropa. It-tim Malti żamm mal-aspettattiva u issa jħares b’ottimiżmu għall-parteċipazzjoni fi Split lejn l-aħħar ta’ Awwissu, bit-tama li jinkiseb riżultat aħjar mis-16-il post miksub sentejn ilu.
Ben Plumpton fetaħ l-iskor iżda ż-żewġ gowls sussegwenti tal-Litwanja reġgħu tefgħu l-konċentrazzjoni massima li kien hemm bżonn. Sa dak il-ħin l-attakki ma kinux kordinati. Madankollu l-plejers Maltin dawru l-iskor minn doppjetta ta’ Jake Muscat u minn hemm l-istorja kellha kapitlu ġdid. Ix-xellugin Matthew Zammit u Nikolai Zammit kabbru l-vantaġġ b’żewġ gowls minn man-up għal vantaġġ ta’ 5-2 sa tmiem l-ewwel sessjoni.
L-istess rendiment kompla fit-tieni sessjoni, b’żewġ gowls maħduma tajba u wkoll b’superjorità numerika. It-tim Malti naqqas ftit l-intensità fil-logħob u ppermetta lill-avversarji jnaqqsu d-distakk għal 8-5, iżda l-gowl ta’ Jeremy Abela mis-centre eżatt qabel tmiem is-sessjoni poġġa lit-tim Malti b’vantaġġ ta’ erba’ gowls.
Il-plejers Maltin ma ħallewx lil-Litwani jwettqu reazzjoni u meritatament komplew ikabbru l-iskor permezz ta’ Jake Muscat u Dino Zammit. Il-vantaġġ ta’ 11-5 fil-bidu tal-aħħar ħalla lit-tim ta’ Karl Izzo f’sitwazzjoni komda. Iżda minflok irrilassaw, il-plejers Maltin baqgħu jilagħbu l-logħba tagħhom u komplew iżidu l-vantaġġ gradwalment għal rebħa mill-aktar meritata.
Kif mistenni, fi tmiem il-logħba bdew iċ-ċelebrazzjonijiet mistħoqqa mill-plejers, staff tekniku u tmexxija tal-ASA quddiem il-ftit mijiet ta’ partitarji Maltin. Minn issa tibda l-ħidma lejn il-parteċipazzjoni fi Split.
Malta: N. Grixti, J. Muscat (5), A. Galea (1), J. Gambin (1), Da. Zammit, M. Zammit (5), B. Plumpton (2), J. Camilleri, J. Abela (2), N. Zammit (1), Z. Mizzi, Di. Zammit (2), J. Tanti
Litwanja: S. Motuzas, K. Blazevic, D. Tomasevski (2), J. Gostautas (1), R. Jakutis, P. Vadvilavicius, A. Jonkus (1), M. Pelakauskas, G. Zurza, J. Galinok (1), E. Pumputis, D. Vitkauskas, J. Balcikonis
Referees: Timi Kavcic (Slovenja), Lukasz Krol (Polonja)
//= $special ?>