Lokali Qorti

Multa ta’ €700 talli kienet se tirkeb ajruplan b’munizzjon

L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta - Ritratt mill-arkivji

Serba ta’ 34 sena, residenti l-Għargħur ġiet immultata €700 wara li wieġbet ħatja quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li fil-pusses tagħha balla bil-munizzjon fuqha waqt li kienet se tirkeb l-ajruplan. Andrea Gocmanac ammettiet li kellha munizzjon projbit u li ġarritu mingħajr liċenzja.

Il-bullet kienet interċettata mill-iscanner tal-ajruport filwaqt li l-mara kkoperat bis-sħiħ mal-Pulizija. L-Ispettur Christian Abela qal lill-Qorti li l-Pulizija sabu li kellha balla fil-kartiera mal-flus waqt li kienet se titla’ l-ajruplan. Is-Serba qalet li l-balla għaliha kienet biss ‘lucky charm’.

Madankollu qalet ukoll li jiddispjaċiha u li kienet mossa stupida minn naħa tagħha. Qalet ukoll li qed tirrealiżża li hi xi ħaġa serja li titla’ l-ajruplan b’balla fuqek. Il-Qorti, saħqet magħha li kienet fortunata li ma ġietx misinterpretata u li darb’oħra messha neħħiet il-munizzjon mill-balla jekk xtaqet iżżommha fuqha. Il-Qorti ornadilha li tħallas il-multa f’perjodu ta’ tliet xhur u ordnat li l-balla tinqered. L-Avukat Charmaine Cherrett deheret għal Gocmanac.