Futbol Sport

Tottenham jirritornaw għar-rebħ ma’ Man City u jagħtu nifs ġdid lit-tellieqa għat-titlu

(Ritratt: EPA)

Iċ-Champions tal-Ingilterra Manchester City, kontra kull mistenni, spiċċaw megħluba f’darhom, 2-3, kontra Tottenham Hotspur, b’din il-logħba tipproduċi livell għoli ta’ spettaklu, flimkien ma’ ħames gowls u mhux ftit ta’ inċidenti drammatiċi, speċjalment fl-aħħar ħinijiet. Qabel din il-logħba, Spurs kienu sofrew tliet telfiet konsekuttivi fil-kampjonat iżda huma adottaw ruħhom tajjeb kontra s-Citizens li għalkemm urew l-aħjar ideat, ma kenux daqstant effettivi quddiem il-lasta ta’ Hugo Lloris. Għall-kuntrarju, Harry Kane u Son Heung-min kienu ta xewka kontinwa għal Laporte u Dias li mexxew id-difiża ta’ City u li bdew jinqabdu fuq sieq waħda bil-‘fast breaks’ taż-żewġ attakkanti ta’ Spurs. L-ewwel gowl ta’ Tottenham wasal wara biss erba’ minuti mill-akkwist ġdid ( eks Juventus) Dejan Kulusevski li spara ġewwa minn tarf il-kaxxa fuq l-assist ta’ Son. City wieġbu fit-33 minuta minn Ilkay Gundogan li sab ir-rokna tax-xibka b’xutt preċiż, iżda fit-tieni taqsima, Spurs marru mill-ġdid fil-vantaġġ, b’Son jerġa’ ikun l-‘assist-man’ għal Kane (59) li għeleb lil Ederson mill-viċin. Man City imbagħad fetħu assedju fuq il-lasta tal-avversarji iżda Spurs baqgħu joperaw il-kontra-attakki perikolużi u Harry Kane kellu gowl ieħor imħassar għal offside marġinali wara evalwazzjoni mill-VAR. Fid-89 minuta, id-difensur ta’ Tottenham, Romero, ikkommetta fawl fil-kaxxa għal penalty u li minnu Riyad Mahrez ikkonverta għal 2-2. Il-ħin miżjud kien ta seba’ minuti u Tottenham, b’sorpriża kbira, skurjaw il-gowl tat-tliet punti meta, fil-95 minuta, Kulusevski għadda ballun perfett lil Harry Kane li sab ruħu żmarkat fil-kaxxa biex jegħleb għat-tielet darba lil Ederson. Minkejja t-telfa, Man City jibqgħu l-ewwel fil-klassifika b’vantaġġ ta’ sitt punti fuq it-tieni tim, Liverpool, u meta s-Citizens lagħbu logħba aktar mir-rivali ta’ Merseyside.

Liverpool għelbu lil Norwich City, 3-1, f’Anfield Road iżda fil-verità kellhom jitħabtu ferm aktar milli jindika l-iskor finali. Din kienet it-tmien rebħa konsekuttiva għar-Reds fil-kompetizzjonijiet kollha iżda huma nħasdu meta — wara li l-ewwel 45 minuta ntemmu mingħajr azzjoni denja ta’ nota — il-Canaries marru fil-vantaġġ minn Milot Rashica li indirizza xutt lejn il-lasta u bil-ballun jixxellef mad-difensur Matip qabel spiċċa fix-xibka. Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp imbagħad biddel is-sistema permezz ta’ żewġ sostituzzjonijiet – bir-Reds idawwru r-riżultat fi spazju ta’ erba’ minuti grazzi għall-gowls ta’ Sadio Mane (64) u Mo Salah (67). Il-Canaries ma kellhomx tweġiba u fil-81 minuta, Liverpool għamluhom tlieta minn Luis Diaz – bil-gowl ikun l-ewwel wieħed għall-attakkant Brażiljan mindu ngħaqad mar-Reds mingħand Porto.

Chelsea, il-World Club Champions il-ġodda, ikkonsolidaw it-tielet post fil-klassifika – b’vantaġġ ta’ seba’ punti fuq Manchester United – wara rebħa, 1-0, fuq Crystal Palace f’Selhurst Park. Il-gowl importanti wasal żewġ minuti mit-tmiem minn Hakim Ziyech li sab ir-rokna tax-xibka b’xutt qawwi fuq il-kross ta’ Alonso. Dan wara li, minuti qabel, l-eks-plejer ta’ Ajax kellu ‘gowl’ ieħor imħassar wara li l-VAR ikkonferma li l-attakkant sieħbu, Romelu Lukaku, kien f’pożizzjoni ta’ offside waqt l-azzjoni. Ir-rebħa ta’ Chelsea, intant, kienet meritata, bil-gowlkiper ta’ Palace Guaita isalva diversi drabi qabel kellu joħroġ imweġġa’ u fejn spiċċa mibdul minn Jack Butland. Dan ukoll meta l-Eagles ta’ Patrick Vieira ma kellhomx xutt wieħed dirett fuq il-lasta ta’ Mendy tul il-logħba.

Ir-rebħa ta’ Arsenal, 2-1, fuq Brentford fl-Emirates Stadium tfisser li l-Gunners issa jinsabu punt biss barra t-Top Four tal-Premier Ingliż u meta huma lagħbu żewġ logħbiet anqas minn Manchester United, Wara li l-ewwel taqsima ntemmet mingħajr gowls, Emile Smith Rowe (48) irnexxielu jiżblokka r-riżultat b’xutt li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper David Raya. Il-Gunners irduppjaw fid-79 minuta minn Bukayo Saka li ma żbaljax mill-viċin – bil-Bees, imbagħad, inaqqsu d-distakk minn Nargaard fit-tielet minuta tal-ħin miżjud.

Newcastle United kisbu dro prezzjuż, 1-1, ma’ West Ham United biex komplew jitbiegħdu miz-zona l-ħamra tal-klassifika. Il-Geordies ilhom mingħajr telfa fil-kampjonat minn wara l-Milied u issa jinsabu fis-17-il post tal-Premier League, b’vantaġġ ta’ ħames punti fuq Norwich City, li niżlu l-aħħar fil-klassifika. Id-difensur ta’ West Ham Craig Dawson (32) poġġa lill-Hammers fil-vantaġġ fuq il-freekick ta’ Cresswell, iżda sekondi qabel il-mistrieħ wasal id-dro ta’ Newcastle meta Joe Willock sab ir-rokna tax-xibka b’xutt preċiż minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Fabianski biex isalva.

Gowl skurjat bir-ras minn Emmanuel Dennis (78) kien biżżejjed għar-rebħa sorpriża ta’ Watford fuq Aston Villa ( f’Villa Park) u li kienet anki l-ewwel rebħa għal Roy Hodgson bħala l-manager tal-Hornets. Villa kellhom ħafna aktar mill-pussess iżda Watford aċċertaw mill-punti meta Dennis sammar ġewwa wara li daħal għall-kross ta’ Ismaila Sarr. B’din ir-rebħa Watford telgħu fit-18-il post tal-klassifika – bir-riżultat ifisser ukoll li l-Villains ta’ Steven Gerrard għandhom rebħa waħda biss mill-aħħar tmien konfronti.

Sorpriża oħra kienet ir-rebħa ta’ Burnley, 3-0, fuq Brighton and Hove Albion fl-Amex Stadium – bil-Clarets, issa, jinqalgħu minn qigħ il-klassifika wara li wrew titjib notevoli fl-aħħar konfronti. Brighton kellhom aktar mill-ballun iżda kienu fjakki ferm fil-konklużjonijiet – bl-ewwel gowl tal-Clarets jasal mill-Olandiż, Weghorst (21) u b’Josh Brownhill jagħmilhom tnejn b’xutt li ħabat mad-difensur Veltman qabel spiċċa fix-xibka ta’ Sanchez. Fit-tieni taqsima, Burnley komplew iżidu l-vantaġġ meta l-winger veteran Aaron Lennon aċċerta mill-punti b’xutt fis-saqaf tax-xibka wara one-two perfett ma’ Jay Rodriguez.

Southampton baqgħu fl-għaxar post tal-Premier League b’rebħa faċli, 2-0, fuq Everton f’St Mary’s Stadium. L-attakkant Skoċċiż Stuart Armstrong fetaħ l-iskor ftit minuti wara l-mistrieħ fuq is-suġġeriment ta’ Adams, bid-daqqa ta’ ras ta’Shane Long (84) taċċerta r-rebħa meritata għas-Saints, b’Everton rari jkunu perikolużi. B’hekk ukoll, kompliet l-forma ħażina tat-Toffees barra minn darhom meta huma rebħu darba biss fi tnax-il logħba ‘away’ f’dan l-istaġun.