Artiklu: Stewart Said
Żewġ messaġġi prinċipali mill-ewwel kummenti tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo wara r-rebħa ta’ 19-5 kontra l-Litwanja. Din ir-rebħa fissret li Malta kkwalifikat għall-Kampjonat Ewropew għar-raba’ edizzjoni konsekuttiva.
“Urejna li l-waterpolo qed jimxi ‘l quddiem. Qed ikollna l-element żagħżugħ li daħal fit-tim ma’ dawk ta’ esperjenza. Hu riżultat tajjeb għall-isport Malti, il-waterpolo, l-ASA u jservi biex inħarsu iżjed ‘il quddiem għax naħseb li għandna futur.”
Għalkemm ir-rebħa kienet pjuttost faċli, Izzo wera rispett lejn l-avversarji u saħaq li l-Litwanja mhux tim ta’ dan l-iskor. B’hekk hu indika li r-rebħa kienet aktar mertu tal-plejers Maltin. Izzo faħħar il-ħidma tal-klabbs lokali u tal-plejers filwaqt li fakkar li kien hemm pedina importanti bħal Stevie Camilleri nieqes.
Finalment, Karl Izzo tefa’ ħarstu mill-ewwel lejn il-konfront tal-Ħadd filgħodu kontra r-Rumanija. “Għada rridu nilagħbu logħba mill-kbar kontra r-Rumanija. Nemmen li nistgħu nilagħbulhom u nġibu riżultat,” temm il-kowċ nazzjonali Malti.
//= $special ?>