Lokali

Aktar dwar iċ-ċirku ta’ kriminalita’ perikoluża li jiftaħar li għandu kuntatti ma’ Robert Abela u li hu viċin tal-Partit Laburista

Jekk il-ġimgħa l-oħra żvelajna kif qed ikun investigat ċirku ta’ kriminalità perikoluża li jiftaħar li għandu kuntatti ma’ Robert Abela u li hu viċin tal- Partit Laburista, illum nistgħu nkomplu niżvelaw kif l-istess Robert Abela saħansitra kien involut f’negozju dwar bejgħ ta’ propjetà ma’ wieħed mill-persuni li jinsab akkużat fil-Qorti dwar il-ħtif ta’ raġel fir-Rabat f’Jannar li għadda.

Jirriżulta li lura għall-2018 Christian Borg, li hu kkunsidrat ukoll bħala wieħed mill-imħuħ prinċipali wara din il-kriminalità organizzata, kien involut f’negozju ta’ bejgħ ta’ propjetà u esperti jiddeskrivu d-dokumenti sottomessi bħala potenzjalment maħsuba biex jipprovdu mezz legali kif l-istess Christian Borg iħallas ħafna inqas it-taxxi dovuti minnu għan-negozju ta’ din il-propjetà.

Jirriżulta li Robert Abela kellu sehem f’dan in-negozju li finalment sar il-bejgħ tagħha lil Christian Borg. Robert Abela mhux magħruf x’daħħal f’termini finanzjarji dwar dan in-negozju. Christian Borg, li jiftaħar bil-kuntatti tiegħu ma’ Robert Abela, li jqisu wkoll mhux biss bħala konsulent legali tiegħu, iżda wkoll ħabib, għadu kemm inħareġ mill-Ħabs ta’ Kordin fuq ħelsien proviżorju wara li f’Jannar li għadda tressaq il-Qorti flimkien ma’ erba’ persuni oħra lkoll akkużati li ħatfu raġel minn quddiem il-garaxx tiegħu fir-Rabat.

Tajjeb li jingħad li meta sar dan in-negozju, Robert Abela kien jokkupa Siġġu Parlamentari bħala backbencher, iżda fl-istess waqt kien Konsulent tal-Prim Ministru f’Kastilja. Barra minn hekk kien ukoll Konsulent Legali tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn kien jirċievi ħlas ta’ xejn inqas minn €17,000 fix-xahar għal dan ir-rwol.

Jirriżulta li fir-rigward ta’ dan in-negozju kienu saru r-riċerki meħtieġa għall-bejgħ ta’ propjetà f’Ħaż-Żabbar u, fost l-oħrajn, kienet saret ukoll ċessjoni ta’ drittijiet fuq konvenju biex il-propjetà tkun tista’ tgħaddi għand terzi. Hu proprju f’dan il-kuntest li fid-dokumenti mħejjija saru ċerti klawsoli preċiżament maħsuba biex jipprovdu mezz legali kif l-istess
Christian Borg iħallas ħafna inqas it-taxxi dovuti minnu għan-negozju ta’ din il-propjetà. Fi ftit kliem jidher li l-parir kien li l-valur tal-propjetà inkwistjoni tkun dikjarata ferm inqas milli fil-fatt tiswa l-istess propjetà.

Finalment dan iwassal biex dak li jkun iħallas inqas taxxi dovuti minnu.

Fl-isfond ta’ dawn l-intriċċi ta’ Robert Abela ma’ persuni allegatament involuti fi ċrieki ta’ kriminalità, il-Partit Nazzjonalista, f’reazzjoni, fisser li l-aħħar ħaġa li pajjiżna għandu bżonn fid-dawl li hu fil-Lista l-Griża hi proprju li jkun hemm suspetti fuq il-persuna tal-Prim Ministru fis-sens li dan kien involut fi skemi jew f’pariri maħsuba speċifikamet għal skop ta’ ħasil ta’ flus.

Għalhekk Robert Abela, żied il-Partit Nazzjonalista, għandu jitkellem u jgħid dak kollu li jaf dwar dan il-każ serju. Il-Prim Ministru Robert Abela għandu wkoll jispjega kemm-il darba uża metodi bħa dawn biex dak li jkun iħallas ferm inqas taxxi dovuti minnu. Għandu jiddikjara wkoll xi dħul kellu hu minn dawn in-negozji u pariri u jekk id-dħul kollu li kellu ddikjarahx.

Tajjeb li l-istess Robert Abela jispjega wkoll id-differenza tal-prezz oriġinali tal-propjetà u l-prezz aħħari tagħha, ċioè l-prezz li bih finalment inbiegħet.

Għandu jiddikjara wkoll jekk hu għamilx xi tip ta’ due diligence fil-konfront tal-klijenti tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista fisser li issa jista’ jifhem aħjar għaliex il-Prim Ministru Robert Abela kien oppona Abbozz ta’ Liġi quddiem il-Parlament li
jittratta minn fejn ikun immaterjalizza ġid mhux spjegat kif ukoll Abbozz ta’ Liġi fil-konfront tal-kriminalità organizzata.
Sadattant fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela, iffaċċjat minn pressjoni akbar dwar l-involviment tiegħu ma’ nies fil-kriminalità u, b’mod partikulari, dwar dan in-negozju li Robert Abela ddeskrivih bħala biċċa art żgħira f’Ħaż-Żabbar, qal li l-fatti huma differenti.

Żied li dwar dan in-negozju saret iċ-ċessjoni tal-konvenju u din kienet reġistrata u tħallset it-taxxa fuqha u allura hu minn ewl id-dinja li sar il-profitt. Robert Abela naqas milli jgħid x’kien il-profitt tiegħu minn dan in-
negozju.

Christian Borg u Tyson Grech isiefru ma’ Marvin Gaerty meta kien Kummissarju tat-Taxxi

Sadattant fi żvilupp ieħor fil-jiem li għaddew, sar magħruf li l-Eks Kummissarju tat-Taxxa Marvin Gaerty fl-2018 siefer fuq btala f’Las Vegas ma’ Christian Borg u Tyson  Grech. Dan meta l-istess Marvin Gaerty kien
għadu fir-rwol ta’ Kummissarju tat-Taxxi.

Jirriżulta li Marvin Gaerty, Christian Borg u Tyson Grech kienu marru Las Vegas f’Ottubru tal-2018 biex jaraw il-ġlieda boxing bejn Khabib Nurmagomedov u Conor McGregor. Dik is-safra kapriċċuża kienet ġiet
tiswa eluf ta’ ewro.

Inċidentalment dik il-vaganza kienet saret inqas minn xahrejn minn meta Christian Borg kien beda jkun investigat mid-Dipartiment tat-Taxxa fuq awditjar tal-kumpanija Princess Holdings. Dak iż-żmien Christian Borg u

Tyson Grech kienu qed imexxu din il-kumpanija iżda kienu għadhom ma ssottomettewx l-ebda dokumenti dwar il-kontijiet annwali tal-kumpaniji Princess Holdings u No Deposit Cars. L-accounts li kienu ppreżentati f’Jannar ta’ din is-sena juru li Princess Holdings akkumulat telf ta’ €22 miljun. Madankollu Christian Borg u Tyson Grech baqgħu jgħixu ħajja lussuża u vanituża u xhieda ta’ dan huma diversi ritratti fil-midja soċjali fejn juru avventuri waqt safar li jirrikjedi ħafna flus, bħal f’Las Vegas u karozzi li jiswew għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Bla dubju ta’ xejn li dan l-iżvilupp ġdid jitfa’ bozza ħamra fuq Marvin Gaerty anki jekk issa m’għadux jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tat-Taxxi wara r-riżenja tiegħu f’Jannar li għadda, u hu stess jgħid li għal dik l-avventura ħallas kemm il-vjaġġ kif ukoll għall-akkomodazzjoni u għall-biljetti tal-ġlieda boxing!

L-istess Marvin Gaerty jgħid li hu ma hux xi ħabib kbir ta’ Christian Borg u jżid li hu dejjem għamel distinzjoni bejn ix-xogħol tiegħu u l-ħajja privata. Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju tajjeb li wieħed ifakkar li Marvin Gaerty, sa ftit
tal-ġimgħat ilu, kien taħt il-lenti tal-Pulizija bħala parti mill-investigazzjonijiet marbuta man-negozjant Yorgen Fenech dwar komunikazzjoni li saret bejniethom lura fl-2014.

Luke John Milton jitressaq il-Qorti akkużat bil-ħtif

Żvilupp ieħor b’rabta diretta jew indiretta ma’ din l-istorja hi dik tad-9 ta’ Frar li għadda meta Luke John Milton, Rabti ta’ 25 sena u li qed ikun mixli li wettaq frodi fejn allegatament battal kartiera Crypto ta’ persuna li kien qed jieħu drink miegħu Tas-Sliema, u li minnu allegatament ħadlu $700,000, kien is-sitt persuna li tressaq il-Qorti mixli bil-ħtif ta’ Carlos Schembri x-xahar li għadda. Luke John Milton, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, kien akkużat bil-ħtif tal-21 ta’ Jannar li għadda fejn b’rabta ma’ dan il-każ diġà tressqu l-Qorti ħames persuni oħra: Christian Borg ta’ 28 mis-Swieqi, Thorne Mangion ta’ 27 sena minn Ħal Qormi, Tyson Grech ta’ 26 sena mill-Isla, Jeremy Borg ta’ 20 sena minn Ħal Qormi, u Burton Azzopardi ta’ 20 sena minn Bormla.

Fi tmiem is-seduta, Luke John Milton ingħata l-libertà proviżorja b’depożitu ta’ €3,000 u b’garanzija personali ta’ €5,000, filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur Carlos Schembri u l-familja tiegħu. Il-Qorti wissiet li jekk tinkiser, Luke John Milton jeħel sa sentejn ħabs u jeħel multa ta’ €7,000.

Tajjeb li jingħad li fil-jiem ta’ qabel il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Christian Borg, Thorne Mangion, Burton Azzopardi ta’ 20 sena minn Bormla u Jeremy Borg  wara li nstemgħu diversi xhieda jixhdu b’rabta mal-istess inċident. Talba għall-ħelsien mill-arrest għall-koakkużat Tyson Grech ta’ 26 sena mill-Isla, ġiet miċħuda wara li l-Qorti osservat li qed jipprova jintimida xhud fl-Awla.

Numru ta’ xhieda fil-Qorti fosthom minn oħt il-vittma

Fi żvilupp ieħor fil-Qorti wkoll xehdet oħt l-allegat ta’ vittma ta’ ħtif u qalet li hi tinsab imbeżżgħa mill-akkużati u  dan għaliex ġiet mhedda. Fix-xhieda tagħha hi qalet li dakinhar tal-ħtif, waranofsinhar, hi kellha tiltaqa’ ma’ ħuha. Iżda meta waslet fil-garaxx tar-Rabat, il-bieb ingħalaq u l-karozza tiegħu kienet ipparkjata barra, bil-bibien tagħha miftuħa. Kien hemm qtar tad-demm ġewwa l-vettura fuq in-naħa tas-sewwieq.

Hi bagħtet sms lil ħuha, iżda filwaqt li l-messaġġi kienu mmarkati kif dehru, huwa ma weġibx. Dan kien mhux tas-soltu ħafna, qalet. Iktar tard ħadet telefonata mingħand ommha li tistaqsi jekk tafx lil Tyson Grech. Hi u Tyson Grech kienu ħbieb fuq il-midja soċjali, u għalhekk bagħtitlu messaġġ biex titlob iċ-ċwievet u l-mobile ta’ ħuha.

L-għada, hi rċeviet għaxar missed calls. Meta ħadet waħda minn dawk it-telefonati, min iċempel wissiha li “hi u l-​familja tagħha kienu se jerfgħu r-responsabbiltà taʼ dak kollu li ma kienx sar lil ħuha.”

Tags