Christian Borg – l-allegat kriminal li kellu negozju fuq propjetà mal-Mexxej Laburista Robert Abela – uża karozzi lussużi biex jagħmel tajjeb għal propjetajiet b’valur ta’ aktar minn €2.5 miljuni.
Hekk żvelat il-gazzetta Sunday Times of Malta fl-aħħar minn sensiela ta’ żviluppi marbutin ma’ dan iż-żagħżugħ dwar propjetajiet li jinkludu penthouses bil-pixxina fil-Mellieħa u villa fl-istess lokalità, kif ukoll maisonette f’Marsaskala u penthouse b’garaxx fil-Baħrija. Dan f’nofs skandlu li kompla jheżżeż lill-Partit ta’ Robert Abela, b’esponenti fil-klikka tal-Leader sforzati jiddefenduh, fost oħrajn billi jirrepetu r-retorika tiegħu.
Il-gazzetta rrapportat li, minbarra Abela, diversi persuni prominenti oħrajn fil-Labour kellhom relazzjoni ta’ negozju mal-allegat kriminal, fosthom id-Deputat Ian Castaldi Paris u anke l-fotografu uffiċjali tal-Partit Joe Camenzuli. Fost il-karozzi li Christian Borg uża għal negozju dwar propjetà kien hemm Ferrari u anke Range Rover.
Christian Borg jinsab akkużat li kien fost diversi persuni oħrajn li ħatfu persuna u heddewh li jaqtgħulu subgħajh u jistuprawlu lil oħtu. Sa riċenti, il-vittma kien jaħdem fil-kumpanija ta’ Borg illi tikri karozzi. Mal-Pulizija, hu spjega li – sakemm kien maħtuf – issawwat u kien mhedded regolarment jekk ma jikkoperax ma’ Borg u sħabu.
Kif sar magħruf fl-aħħar jiem, il-ftehim ta’ negozju bejn Christian Borg u Robert Abela inkluda dokumenti li kienu deskritti minn esperti finanzjarji bħala possibbiltà ta’ ‘loophole’ għal evażjoni ta’ taxxa. Sal-lum, Abela għadu b’fommu sieket dwar kemm daħħal flus minn dan il-ftehim.
Barra minhekk, il-ħabib ta’ Robert Abela kien involut f’‘racket’ ma’ diversi Uffiċjali tal-LESA u Transport Malta biex seta’ jiġbor ħlasijiet għal ċitazzjonijiet mingħand klijenti, iżda – bis-saħħa tagħhom – kienu jinħafrulu u allura jżomm il-flus għandu.
Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-jiem li għaddew kien irrapportat li bħalissa l-Pulizija għandha f’idejha recordings fejn Borg, allegatament, saħaq ma’ sħabu li m’għandhomx jinkwetaw għax għandhom magħhom lil persuna li rrefera għaliha bħala “Bobby”.
//= $special ?>