L-ewwel passi li ħa l-Prim Ministru Ġorġ Borġ Olivier qabel fetaħ il-Parlament kien li mar Londra għal taħditiet dwar emendi għall-kostituzzjoni ‘Blood’ fis-sens li t-tmexxija tas-settur pubbliku u l-Pulizija jirritornaw lura f’idejn il-Gvern Malti.
Ġorġ Borg Olivier beda l-ġlieda biex ipoġġi s-sisien ekonomiċi ta’ pajjiżna fuq bażi soda, biex jikseb l-Indipendenza fil-Commonwealth u biex ikun hemm xi forma ta’ assoċċjazzjoni mal-Komunità Ekonomika Eweopea.
Bejn is-17 u d-19 ta’ Frar tal-1962, sittin sena ilu, inżammet f’Malta u Għawdex Elezzjoni Ġenerali wara li għal erba’ snin pajjiżna kien taħt ħakma kolonjali. Minkejja li l-Kostituzzjoni Blood ma kenitx togħġob lill-ebda wieħed miż-żewġ partiti l-kbar: il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, dawn xorta ddeċidew li jikkontestaw, anke jekk it-tnejn kellhom ir-riservi tagħhom.
Dwar din l-Elezzjoni tkellimt ma’ Joe M. Zahra li f’dik l-Elezzjoni kien uffiċjalment maħtur mill-Partit Nazzjonalista bħala l-Assistent Editur ta’ ‘Il-Poplu’, il-gazzetta tal-istess Partit. Hu kien involut ukoll fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista u fis-Sezzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista taż-Żejtun filwaqt li kien jikkontribwixxi bil-kitba tiegħu f’diversi ġurnali li kienu jkunu ppubblikati.
X’kien l-ambjent li fih kienet issejħet din l-Elezzjoni?
L-Elezzjoni kienet issejħet mill-Gvern Kolonjali Ingliż taħt il-kostituzzjoni ‘Blood’, kostituzzjoni li kien kiteb l-istess Gvern Ingliż, li kien fiha ħafna materji riservati u li ma qablux magħha l-partiti l-kbar.
Ma rridux ninsew li pajjiżna tilef il-gvern responsabbli tiegħu fl-1958 wara li rriżenja l-Gvern Laburista mmexxi minn Duminku Mintoff u wara li l-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Ġorġ Borg Olivier, ma aċċettax talba biex jifforma gvern hu għaliex ma kellux maġġoranza.
Hekk Malta marret taħt kunsill tal-Gvern immexxi mill-Gvernatur. Snin li fihom kollox mar lura. Mhux biss id-demokrazija iżda magħha l-ekonomija li flok tikber kienet qed tiċkien. Biżżejjed infakkar li skont missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li kienet intbagħtet Malta biex tagħmel proposti, din irrakkomandat li biex il-qgħad jibqa’ f’limiti tollerabbli, riedu jemigraw 10,000 fis-sena. Proposta li l-Gvern ta’ Ġorġ Borg Olivier ma aċċettax għaliex kien kontra li pajjiżna jitlef daqshekk eluf ta’ ħaddiema tas-sengħa u daqshekk żgħażagħ.
X’tikkummenta dwar il-ġlieda politiko-reliġjuża?
Iva, barra minn hekk kien hemm ġlieda politiko-reliġjuża bejn il-Knisja u l-Partit Laburista. Ġara wkoll li s-sistema politika spiċċat f’ħafna biċċiet b’partiti li ħarġu miż-żewġ partiti l-kbar taħt l-iskuża li kienu qed jaħdmu favur il-Knisja fil-ġlieda li din kellha kontra l-ideat xellugin tal-Partit Laburista.
Miż-żewġ partiti ewlenin ħarġu żewġ partiti li kienu żgur se jieklu mill-voti tal-PN u l-Partit Laburista. Hekk fl-Elezzjoni tal-1962 ikkontestaw il-Partit tal-Ħaddiema Nsara (PĦN) immexxi minn Toni Pellegrini u li kien ħareġ mill-Partit Laburista, u l-Partit Demokratiku Nazzjonalista (PDN) immexxi mill-Avukat Herbert Ganado u li kien ħareġ mill-Partit Nazzjonalista. Dawn ingħaqdu mal-Partit Kostituzzjonali Progressiv immexxi minn Mabel Strickland u l-Partit ta’ Ransley. Dan kollu wassal biex il-karta tal-vot kienet waħda twila kif kienu twal il-kjus wara l-
postijiet tal-votazzjoni.
Il-PN kien wieħed favur il-Knisja. Allura għaliex ħareġ partit minnu stess biex jiġġilidlu?
Il-PN dejjem kien favur il-Knisja. Infatti l-motto ewlieni tiegħu dejjem kienet ‘Reliġjon u Patria’. Iżda li tkun favur il-Knisja ma jfissirx li tinqeda biha. Il-PN taħt Ġorġ Borg Olivier ma riedx jattakka l-politika Laburista favur l-Indipendenza. Għaliex l-Indipendenza kienet il-linja politika tal-PN li ħaddan minn dejjem. Għalhekk kif seta’ jattakka lil xi ħadd li fil-politika favur l-Indipendenza ġie jaħsibha bħalu meta sa ftit xhur qabel ried jgħaqqadna mal-Ingilterra!
Niftakar qisu lbieraħ li tant riedu jpinġu ħażin lill-PN li ‘It-Tarka’, il-gazzetta tal-PĦN ta’ Pellegrini ppubblikat kartellun bil-kliem ‘Borg Olivier u Mintoff ftehmu’. Fis-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien il-poplu fehem li dawn iż-żewġ partiti kienu verament ftehmu u dan kien ipoġġi lill-PN f’dell ikrah.
Ġorġ Borġ Olivier għamel libell lil ‘It-Tarka’. Rebħu u dawn kellhom jagħmlu poster li jikkwalifika dak li kienu qalu. Ġorġ Borg Olivier qatt ma ried li l-PN jinqeda bil-Knisja u dan kien jagħmlu ċar ma’ kulħadd.
Ngħaddu għall-votazzjoni u l-għadd tal-voti. Inti kont hemm waqt l-għadd tal-voti. Kif kienet is-sitwazzjoni waqt l-għadd?
Wara li ngħalqu l-polling booths, il-kaxxi tal-voti ttellgħu n-Knightshall fejn kellu jsir l-għadd tal-voti. Niftakar kont hemm minn tal-ewwel. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħi nipparteċipa daqshekk mill-qrib fl-Elezzjoni Ġenerali. Niftakar sala mimlija minn rappreżentati tal-partit kollha. Sitt partiti u tista’ taħseb kemm kienu dawk preżenti. Iżda ma nistax ngħid li kien hemm tensjoni.
Il-kaxxi tal-voti tqiegħdu fl-istrong room. Minn hemm bdew ħerġin ftit, ftit jinqalbu u l-voti jiġu ċċekkjati bħala validi jew le qabel jitpoġġew fil-garżelli tal-kandidati. Kif beda riesaq illejl il-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet li tissospendi l-proċess elettorali għal bil-lejl u ddaħħal il-kaxxi tal-vot kollha fl-istrong room.
Niftakarni ninforma b’dak li kien se jsir lill-Kap tal-Partit Ġorġ Borg Olivier li kien wasal fin-Knightshall biex isegwi l-għadd tal-voti. Dan immedjatament mar f’nofs is-sala, ixxabbat mal-barriers u staqsa għall-Kummissarju Elettorali Ewlieni, li kien Maurice Abela.
Ġorġ Borg Olivier insista miegħu li l-proċess ikompli sejjer anke bil-lejl, għaliex beża’ minn xi tbagħbis. Ftit ħin wara l-Kummissarju Elettorali Ewlieni informa lil Ġorġ Borg Olivier li l-proċess kien se jitkompla bi skeleton staff. Aħna bqajna hemm ukoll insegwu dak li kien qed iseħħ.
Il-vot tar-Raba’ Distrett kien determinanti għar-rebħa tal-PN. Spjega għaliex.
Ingħid il-verità jien kont interessat ħafna fir-Raba’ Distrett, id-Distrett li kien jiġbor fih iż-Żejtun fejn kont noqgħod u fejn kont nagħmel parti sew mill-Kumitat Sezzjonali tal-PN, mill-Kumitat tal-MŻPN u tal-każin tan-Nazzjonalisti.
Maż-Żejtun dan id-Distrett kien fih ukoll iż-Żurrieq, Birżebbuġa, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Safi.
Appena ħareġ l-ewwel għadd ta’ dan id-Distrett ħdimt kemm kiseb voti kull partit u sibt li bil-voti tal-PN biss kien hemm żewġ kwoti u qrib it-tielet kwota. Iżda bil-voti tal-partiti ż-żgħar, li kienu mħeġġa jkomplu fuq il-partiti kollha barra l-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista kien ikollu iktar minn tliet kwoti. Għidt b’dan lil Ġorġ Borg Olivier li bilkemm ma ħasibx li kont qed noħlom! Qalli, iżda, li jekk mir-Raba’ Distett intellgħu tlieta, allura l-Elezzjoni tkun tagħna.
Beda l-għadd. Minn dak id-Distrett tela’ l-ewwel it-Tabib Alexander Cachia Zammit b’2,604 voti meta l-kwota kienet 2,439. Warajh tela’ t-Tabib Alfred Bonnici, tabib żagħżugħ li kien ħareġ l-ewwel darba, u t-tielet Deputat elett minn dan id-Distrett kien l-Avukat Carmelo Caruana wara l-voti tal-partiti ż-żgħar waqgħu fuq il-kandidat tal-PN. Hekk il-PN tella’ tliet Deputati.
B’kollox il-PN kiseb 25 Deputat minn 50. Allura kien f’pożizzjoni li jiggverna waħdu. Il-25 Deputat l-oħra nqasmu hekk bejn il-Partit Laburista 16; il-Partit tal-Ħaddiema Nsara 4; il-Partit Demokratiku Nazzjonalista 4 u l-Partit Kostituzzjonzali 1.
Iktar tard fil-leġiżlatura l-Membru Parlamentari tal-PDN Coronato Attard, elett mid-Distrett ta’ Għawdex, ingħaqad mal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista biex il-PN fil-Gvern spiċċa b’maġġoranza assoluta ta’ żewġ Deputati.
Il-PN kiseb il-maġġoranza. Allura dan mill-ewwel ifforma gvern?
Le. Għaliex Ġorġ Borg Olivier kien qal minn qabel li ma jiffurmax gvern jekk ma jsirx ċertu tibdil għall-kostituzzjoni ‘Blood’.
L-ewwel passi li ħa l-Prim Ministru Ġorġ Borġ Olivier qabel fetaħ il-Parlament kien li mar Londra għal taħditiet dwar emendi għall-kostituzzjoni ‘Blood’ fis-sens li t-tmexxija tas-settur pubbliku u l-Pulizija jirritornaw lura f’idejn il-Gvern Malti. Hekk seta’ jibda jmexxi l-pajjiż mingħajr xkiel żejjed mill-uffiċċju kolonjali.
X’kienu l-ewwel passi ta’ gvern Nazzjonalista?
Wara din ir-rebħa Ġorġ Borg Olivier beda l-ġlieda l-ewwel nett biex ipoġġi s-sisien ekonomiċi ta’ pajjiżna fuq bażi soda u fl-istess nifs biex pajjiżna jikseb l-Indipendenza fil-Commonwaealth u biex ikun hemm xi forma ta’ assoċċjazzjoni mal-Komunità Ekonomika Eweopea.
Dawn kienu għal pajjiżna żminijiet mill-iktar importanti u storiċi għaliex konna qed niġġieldu għall-Indipendenza ta’ pajjiżna li l-Gvern Nazzjonalista kien iqis bħala l-iktar tragward importanti biex pajjiżna jiżviluppa kostituzzjonalment u ekonomikament. Biex l-ekonomija ta’ Malta ma tibqax tiddependi min-nefqa tas-Servizzi Militari Ingliżi.
Din ma kenitx xi ġlieda ħafifa għaliex l-Ingliżi, għalkemm riedu jnaqqsu n-nefqa tas-Servizzi Militari fl-istess waqt ma ridux jitilqu lil Malta. Kienet l-intransiġenza tal-Gvern Ingliż li ma jagħtina ebda għajnuna finanzjarja mitluba li wasslet
lil Ġorġ Borg Olivier u l-Gvern immexxi minnu biex jgħaġġel it-talba ta’ pajjiżna għall-
Indipendenza.
L-iskoll kien il-Kostituzzjoni. Kellek ħames partiti li kollha kellhom is-sottomissjonijiet tagħhom dwar x’riedu. Issejħet konferenza kostituzzjonali f’Marlborough House Londra, iżda din falliet. Ġorġ Borg Olivier ma qatax qalbu. Baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu favur l-akkwist tal-Indipendenza. Billi l-kostituzzjoni kienet il-problema ewlenija ħabbar li kien ftiehem mal-Segretarju Ingliż għall-Kolonji, Duncan Sandys, biex jgħajjat Referendum dwar Kostituzzjoni tal-Indipendenza li kienet approvata mill-Parlament Malti.
Ir-Referendum issejjah f’Mejju 1964 u ta rebħa lill-Gvern favur il-kostituzzjoni approvata mill-Parlament Malti.
Intrebaħ ir-referendum u x’ġara minn hemm?
Dan kien il-bidu tal-aħħar ġirja lejn l-Indipendenza. Iktar minn xahrejn ta’ taħditiet u negozjatif’Londra minn Ġorġ Borġ Olivier, ministri u uffiċjali għolja taċ-Ċivil ma’ ministri u uffiċjali Ingliżi.
Taħditiet u negozjati li wasslu għad-data tal-Indipendenza, għall-ftehim finanzjarju u trattat ta’ difiża reċiproka.
Hekk elezzjoni taħt kostituzzjoni li l-maġġoranza assoluta ma riditx wasslet biex pajjiżna sar stat indipendenti fil-Commonwealh, fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-Kunsill tal-Ewropa… tliet orgnizzazzjonijiet li kienu jippersonifikaw l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti.
L-Elezzjoni Ġenerali tal-1962 biddlet l-istorja ta’ pajjiżna. Issejħet minn Gvern Kolonjali iżda spiċċajna l-leġiżlatura b’pajjiż Indipendenti.
//= $special ?>