Lokali Mużika

Emma Muscat bil-kanzunetta ‘Out of Sight’ ir-rebbieħa tal-Malta Eurovision ta’ din is-sena

Fl-aħħar ħin ġie mħabbar li ‘Out of Sight’ kantata minn Emma Muscat hija l-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Eurovision ta’ din is-sena, u għaldaqstant f’Mejju li ġej se tirrapreżenta lil Malta fis-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jsir fl-Italja, fil-belt ta’ Turin.

Emma Muscat bid-diska ‘Out of Sight’ rebħet fost 17-il kanzunetta li ħadu seħem fis-serata finali li saret fl-MFCC f’Ta’ Qali. 

Emma kisbet l-aktar punti mill-bqija tal-kontestanti mogħtija mis-sitt ġurati filwaqt li rebħet ukoll il-vot tal-pubbliku sabiex b’kollox irnexxilha tikseb 92 punt.

Fit-tieni post klassifikaw Aidan Cassar bil-kanzunetta ‘Ritmu’ fejn b’kollx irnexxilu jakkwista 72 punt, u fit-tielet post b’36 punt, klassifikat Nicole Azzopardi bil-kanżunetta ‘Into the Fire’.

Emma issa se tkun qed tikkompeti f’isem Malta fit-tieni semi-finali tal-Eurovision li se ssir fit-12 ta’ Mejju, u filfatt, jekk tghamilha ghal mal-ewwel ghaxra, tghaddi ghall-Finali tal-Eurovision Song Contest li se ssir fl -14 ta’ Mejju.

Il-Mistiedna speċjali fis-serata kienet Destiny li propju s-sena l-oħra kienet hi li rraprezentat lil Malta f’Rotterdam, fl-Olanda, bil-kanzunetta ‘Je Me Casse’, flimkien ma Ike u Kaya li rraprezentaw lil Malta fil-Junior Eurovision tas-sena 2021 bil-kanzunetta ‘My Home’.

Il-Malta Eurovision Song Contest ta’ din is-sena kien imqassam fuq tliet serati, fejn tul l-ewwel serata tal-Ħamis, kantaw it-22 semi-finalista, filwaqt li fit-tieni serata tal-Ġimgħa li kienet ikkaratterizzata minn kanzunetti tal-Eurovision li rraprezentaw lil Malta f’dan il-festival rinomat u tant prestiġġjuz fl-imgħoddi.. tħabbru is- 16-il finalista li ntgħażlu minn bord tal-ġurija flimkien mal-vot tal-pubbliku.

Madanakollu, is-Sibt filgħodu ingħaqdet magħhom l-aħħar finalista tal-Malta Eurovision, fejn mill-vot tal-pubbliku, Jessika Muscat bid-diska Kaleidoscope irnexxilha tagħmilha għall-finali.