Lokali

Fl-10:30am Bernard Grech jindirizza Attività Politika fil-Mosta

Fil-Mosta, kollox jinsab lest biex fl-10.30 ta’ filghodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jindirizza attività politika li se ssir fil-parkeġġ ta’ ħdejn ir-Rotunda.

U lejliet din l-attività, fuq Net FM, il-Kap tal-PN Bernard Grech sostna li waqt din l-attività politika tal-Ħadd, fil-Mosta, ser jitħabbru aktar proposti li se jagħmlu differenża fil-ħajja tan-nies u jtejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

“Se nkunu qegħdin inħabbru żewġ miżuri oħra li għadna ippreparat għan-nies, inkomplu nuru l-pjan tagħna fil-qasam tel-edukazzjoni, fil-qasam tal-ekonomija, fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam tas-saħħa mentali, fil-qasam tal-kostruzzjoni, fil-qasam tal-investimenti, tat-teknoloġija tal-inovazzjoni.. Dan huwa li għadna bżonn nagħmlu.”

Bernard Grech kompla billi għamel referenża għal diversi skandli li ħarġu fl-aħħar jiem mill-kamp tal-Partit Laburista u saħaq li għal kuntlarju ta’ dan.. Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jagħmel il-ġid sabiex igawdi l-pajjiż kollu.

“Il-politiċi mhux kollha l-istess. M’aħniex l-istess. Dawn huma persuni li daħlu fil-politka biex jistagħnew u aħna għandna politici li daħlu fil-politka għax huma jemmnu l-ewwel ħaġa li għandhom storja speċjali f’ħajjithom illi ikkonvinċiethom li f’ħajjithom il-politika tista’ tagħmel il-ġid, u t-tieni għax jixtiequ b’qalb kbira li jagħmlu l-ġid lill-pajjiżhom u lill-poplu tiegħu,” sostna dan il-Kap tal-PN.

Bernard Grech tenna li l-futur ta’ dan il-pajjiz irriduh f’idejn żgħażagħ sincieri, integri u onesti, ħalli nagħtu tama bl-onestà u bis-serjetà u mhux billi naghtu stampa falza.

“Se nuru lin-nies u hekk qegħdin nagħmlu u se nkomplu nagħmlu .. fejn hija t-triq li l-pajjiż għandu bżonn jimxi fiha sabiex jerġa’ jikseb id-dinjita’, l-isem u wkoll il-ġid li jixraqlu hu u li kulħadd jixtieq li jkollu”

F’din l-intervista l-Kap tal-PN Bernard Grech wassal messaġġ b’saħħtu sabiex kull wieħed u waħda minna jkun parti mil-bidla li Malta għandha bżonn.

“Ejjew għada.. Merħba fil-familja tagħna. Kunu parti mil-bidla. Kunu parti minn dan il-Partit. Kunu parti minn din il-mixja, li dan il-pajjiż flimkien nistgħu nagħmluh pajjiż aħjar, għalik, għal uliedek, u għall-għeżież tieghek. Konvint li nistgħu nagħmlu din il-bidla.”