Lokali

Id-dħul ta’ €17,000 u eventwalment ta’ €28,000 fix-xahar li dejjem ħeba għal Robert Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qed jiffaċċja kritika qawwija u paniku fil-Partit Labursta wara dak kollu li qed jiġi żvelat dwaru.

Kritika wkoll interna għal Robert Abela kemm fil-Grupp Parlamentari Laburista kif ukoll minn strutturi diversi fil-Partit Laburista stess għall-fatt li hu dejjem ħeba kull informazzjoni dwar id-dħul ta’ €17,000 fix-xahar għal bosta xhur mill-Awtorità tal-Ippjanar li eventwalment żdiedu għal €28,000.

Robert Abela qed ikun skomdu bil-kritika qawwija li qed issirlu mhux biss mill-Oppożizzjoni, iżda anki mill-midja indipendenti u minn terzi oħra minħabba l-fatt li m’għandu l-ebda tweġiba jew mod kif joħroġ mill-kritika u l-akkużi li qed isirulu.

Biex is-sitwazzjoni tkompli tkun aktar għall-agħar, ir-rapporti dwar involviment ma’ persuni fil-kriminalità dwar negozju ta’ propjetà u wkoll dwar kif irnexxielu jikseb propjetà fil-Belt Valletta għal prezz redikolu, qed ikomplu jgħabbuh b’aktar skumdità.

Robert Abela jaf li minn dan ix-xenarju kollu l-aktar li qed jogħrku jdejhom huma dawk li għadhom leali lejn l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat li spiss qed ikollu messaġġi x’jgħaddi u li fihom infushom huma twissija bil-pulit lill-istess Robert Abela.

Fazzjoni oħra fil-Partit Laburista li qed tieħdu b’dan ix-xenarju ta’ attakki fuq Robert Abela, hi dik leali lejn id-Deputat Mexxej Chris Fearne li minkejja li hu wkoll għandu ħafna xi jwieġeb, qed iqis din is-sitwazzjoni ta’ Robert Abela bħala waħda providenzjali għaliex tefgħet il-bozza l-ħamra fuq Robert Abela u mhux aktar fuqu.

Iżda fazzjoni oħra li wkoll qed tieħu gost b’dak kollu li qed jiżviluppa fil-konfront ta’ Robert Abela hi dik li tappoġġja lill-Eks Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli li qed tgħid li la l-Partit Laburista u anqas il-Gvern ma jixirqulu nies bħal Robert Abela fit-tmexxija tagħhom… aktar u aktar meta l-istess Robert Abela lagħabha tant tal-pur u n-nadif. L-istess imkejjen viċin Miriam Dalli qed isostnu wkoll li jkun gwaj kbir għal pajjiżna kemm-il darba issa jirriżulta li għandna Prim Minsitru b’ċertu affiljazzjonijiet u kuntatti xejn deċenti… ħaġa bħal din żgur li terġa’ titfa’ lil pajjiżna f’aktar inkwiet anki fir-rigward tal-Grey Listing.

Sadattant sorsi infurmati fil-Partit Laburista żvelaw ma’ Il-Mument kif fl-isfond ta’ dan ix-xenarju ta’ taqlib kollu, il-magna tal-Partit Laburista qed tara kif timbotta numru ta’ kandidati li huma meqjusa bħala ‘ta’ ġewwa’ u fdati, iżda fl-istess ħin qed tagħmel minn kollox biex tnaqqas l-exposure ta’ ċerti Deputati Laburisti li huma kunsidrati bħala b’saħħithom iżda li mhumiex ‘yes man’.

Kollox jindika bl-aktar mod ċar li dan il-manuvrar hu mmexxi minn Ramona Attard, il-President tal-Partit Laburist, bl-appoġġ tad-Deputat Mexxej Daniel Josè Micallef. Din il-fazzjoni hi l-istess fazzjoni li mmanuvrat biex Andy Ellul ikun coopted fil-Parlament minflok Rebecca Buttigieg. Oriġinarjament Rebecca Buttigieg kienet l-għażla ta’ Robert Abela iżda fuq ġewwa tal-Mileland għad m’għandux is-saħħa li jixtieq u l-pjani tiegħu spiċċaw sfumaw fix-xejn. Tajjeb li jingħad li Robert Abela ried itaffi l-qawwa distrettwali tal-Ministri Michael Falzon u Evarist Bartolo billi minflokom itella’ mara mid-Disa’ u l-Għaxar Distrett.

Sadattant is-sieħba tad-Deputat Laburista Andy Ellul – l-esponenta Laburista Claudia Cuschieri li taħdem mal-Ministru Michael Falzon – u l-klikka ta’ ġewwa ħadmu kemm felħu biex l-għażiż tagħha jieħu vantaġġ fuq l-Ewwel Distrett u t-Tielet Distrett.

Is-sorsi ta’ Il-Mument fissrulna li fl-Ewwel Distrett hemm qasma kbira bejn il-fazzjonijiet tal-leadership Laburista. It-Tabib Deo Debattista hu meqjus li hu leali lejn id-Deputat Mexxej Chris Fearne u li hu kontra l-Ministru Aaron Farrugia li hu tal-Prim Ministru, kontra l-Ministru Josè Herrera li hu meqjus żejjed fil-Kabinett mill-istess Prim Ministru.

Hawn għandek is-Sindku ta’ Tal-Pietà li qiegħed jikseb appoġġ qawwi tant li riedu jdgħajfuh bl-imbuttatura tal-Avukat Andy Ellul fil-Parlament li hu kkunsidrat bħala ‘yes man’ tal-magna. Tajjeb li jingħad li lil Andy Ellul ma ħallewhx jikkontesta fuq ir-Raba’ Distrett biex Jonathan Attard, Amanda Spiteri jew Glenn Bedingfield ikunu jistgħu jagħmluha kontra n-nies ta’ Robert Abela bħall-Ministru Byron Camilleri u l-coopted Oliver Scicluna.

Riċentement saret pressjoni wkoll biex il-kandidat tal-Mexxej fuq it-Tielet Distrett, id-Deputat Jean Claude Micallef, ma jibqax jitħalla ‘waħdu’ fuq id-Distrett taż-Żejtun. F’dan id-Distrett saru l-manuvri kollha biex it-Tabib Silvio Grixti tqaċċat ’il barra wara investigazzjoni mal-Pulizija.

It-Tabib Silvio Grixti kien rival ewlieni għal ‘yes man’ tal-magna Owen Bonnici li fl-aħħar elezzjoni tħalla barra mit-Tielet Distrett. Waqt li l-magna mmexxija mid-Deputat Mexxej Daniel Micallef tappoġġja lil Owen Bonnici, hu sigriet magħruf li l-Prim Ministru Robert Abela ma jridux parti mill-Kabinett, tant li anke ħariġlu fuq il-Ħames Distrett. Il-magna qed tara li wara Silvio Grixti ttaffi l-mixja ta’ Jean Claude Micallef.

Jidher ċar li l-pożizzjoni li ħa kontra l-proġett tal-marina f’Marsaskala urtat sew lil ta’ ġewwa waqt li kiseb appoġġ sostanzjali mir-residenti u dawk li kienu jippreferu lit-Tabib Silvio Grixti. B’hekk mistenni li l-lista tiżdied b’aktar kandidati biex taffettwah fil-wirt elettorali.

Din hi s-sitwazzjoni li qed tkun esperjenzata wkoll fit-Tlettax-il Distrett, bil-mira din id-darba jkun il-Ministru Anton Refalo li fi tmiem il-ġimgħa smajna wisq dwaru b’allegazzjonijiet dwar aktar skandli li issa qed imissu wkoll il-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna. Dan l-aħħar żidulu aktar kandidati li jistgħu jieklu mill-qawwa tal-Ministru Anton Refalo li Robert Abela ma jridux li jerġa’ jagħmilha fil-Parlament. Il-manuvri bħalissa huma ffukati fuq il-pożizzjonament ta’ kull eventwalità għal by-election b’aktar ‘yes man’.

Sadatant fis-Seba’ Distrett il-Partit Laburista għandu kaos. Sieħeb il-Prim Ministru, it-Tabib Malcolm Galea jidher li spara ’l fuq bl-appoġġ tal-Ministru Ian Borg. Saga oħra hi dik li tirrigwarda lil Rosianne Cutajar li l-kandidatura tagħha għadha mhix approvata. Anke jekk ilha li bdiet il-kampanja elettorali tagħha, il-magna ta’ ġewwa ma tridiex tant li qed tagħmel minn kollox biex ma tħallihiex l-uniku mara fuq id-Distrett li abbanduna Robert Abela. Il-Ministri Roderick Galdes, Silvio Schembri u Ian Borg huma meqjusa heavyweights ħdejn il-ħabiba ta’ Yorgen Fenech.

Ħabib ieħor ta’ Yorgen Fenech li hu ma’ djul Robert Abela hu l-Ministru Edward Zammit Lewis. Wara li ċeda l-kandidatura tiegħu minn fuq it-Tieni Distrett u ffoka fuq it-Tmien Distrett, sab li l-Prim Ministru Robert Abela qed jimbotta lill-Ministru Clayton Bartolo u lill-Ministru Clyde Caruana fuq Birkirkara.

Dan bil-probabbiltà l-kbira li l-istess Edward Zammit Lewis jibqa’ l-art… anki għaliex il-Laburisti Karkariżi għadhom imweġġa’ u insulentati bil-mod ta’ kif iddeskrivihom meta uża t-terminu “Ġaħan”. L-istess ħeġġa li jtella’ lill-Ministru tal-Finanzi li taħtu qed tikkrolla l-Air Malta, tidher fuq it-Tieni Distrett. Hawn anke żied lil oħt il-mara biex jipprova jtella’ tim sħiħ tiegħu iżda l-magna tad-Deputat Mexxej qed tirrispondi b’Amanda Spiteri u Glenn Bedingfield.

Il-ġlied bejn il-Whip Laburista u s-Sindku Bormliża ilu għaddej u issa jinsabu ras imb ras. Dal-manuvrar jiżdied mal-bsaten fir-roti lejn id-Deputati Chris Agius u Joe Mizzi. B’tal-aħħar jitneħħa minn Ministru kif rifes Kastilja Robert Abela. Kemm-il darba jerġa’ jkun elett Joe Mizzi u ma jitlax Clyde Caruana, tkun tfisser disfatta għal Robert Abela fid-Distrett li tellgħu lil Duminku Mintoff u lil Joseph Muscat b’appoġġ enormi.

Tags