Elezzjoni 2022 Lokali

Il-Labour jippreżenta l-ewwel proposti tiegħu… bla dettalji, irriċiklati jew ikkupjati mill-Partit Nazzjonalista

Robert Abela llejla ppreżenta l-ewwel proposti tal-Partit Laburista għall-elezzjoni li jmiss u għalkemm ma tax dettalji dwarhom, wieħed seta’ jinnota kif ħafna minn dak li ppropona kien ikkuppjat kważi kelma b’kelma mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista.

L-ewwel proposta li għamel Abela kienet li jkun hemm spazju miftuħ f’kull lokalità, Din il-proposta għamilha l-Partit Nazzjonalista wara li Gvern Laburista f’9 snin ma għamel assolutament xejn biex jipproteġi l-ambjent naturali u ma ħoloq kważi l-ebda spazju miftuħ għall-familji Maltin u Għawdxin.

Agħar minn hekk, din hija wegħda li għamel l-istess Partit Laburista fil-manifest elettorali tiegħu tal-2017. Huwa evident li din il-wegħda baqgħet fl-arja.

Il-wegħda tal-green roofs li għamel il-Labour fl-2017

Abela ħabbar li se jkun hemm green -roofing fid-diversi mini. Madankollu, wieħed jiftakar il-wegħda li għamel sena u nofs ilu li tissaqqaf bil-pjanti l-mina ta’ Santa Venera. Sal-lum din il-mina għadha mingħajr green roof. I

22 ta’ Mejju 2019 – Josè Herrera jħabbar li l-green roofing tal-mina ta’ Santa Venera se jkun lest fi żmien 3 snin. Il-proġett għadu ma bediex

Proposta oħra kienet għajnuna għall-first time buyers. Il-Partit Nazzjonalista kien diġà wiegħed fond garantit għax-xiri tal-ewwel dar kif ukoll eżenzjoni fuq il-VAT kollha sa €10,000 fuq il-finishing tad-dar.

Robert Abela wiegħed il-mediċini b’xejn lill-anzjani. Wegħda mhux ġdida anke jekk wegħdiet simili, bħal per eżempju l-wegħda li l-koppji li qed jagħmlu t-trattament tal-IVF jieħduh b’xejn u jieħdu l-mediċini tiegħu b’xejn ukoll baqgħu qatt ma twettqu. Biex issa qed ikollhom jitkarrbu għall-eluf li diġà ħarġu minn buthom fl-aħħar xhur. L-istess sitwazzjoni qed isibu ma’ wiċċhom il-pazjentii tal-kanċer.

Il-Partit Nazzjonalista kkommetta ruħu li t-trattament u l-mediċini kollha tal-IVF ikunu b’xejn mill-ewwel kif ukoll ikun it-trattament tal-kimoterapija.