Lokali

Il-PN irid ikun miegħek, għal Malta – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista irid ikun Miegħek, għal Malta għax irid iġib l-aħjar bidla għal pajjiżna u miegħek biss nistgħu nerġgħu niksbu lura dak li pajjiżna verament jixraqlu. B’ħidma magħquda bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Maltin u l-Għawdxin, għandna ċans li pajjiżna jingħata d-dinjità li tixraqlu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel attività tal-kampanja elettorali, li nżammet dalgħodu fil-Mosta. Attività li rat attendenza sabiħa ta’ mijiet ta’ persuni li nġabru qrib ir-Rotunda b’appoġġ għall-politika tal-Partit għas-snin li ġejjin.

Bernard Grech qal li jeħtieġ li kull Malti u Għawdxi jkun mal-Partit Nazzjonalista f’din il-mixja għal futur isbaħ għal pajjiżna. Hu għalhekk li għandu jkollna l-kuraġġ għax, fit-triq tas-sewwa, ħadd ma jkun jista’ jegħlbek.

Il-Partit Nazzjonalista jrid soċjetà fejn kulħadd jaħtaf l-opportunitajiet kollha li jkollu quddiem, fosthom iż-żgħażagħ li għandhom l-entużjażmu. Irid li jkun il-vuċi ta’ kulħadd u li kulħadd iħossu liberu.

Bernard Grech qal li hekk kif issa wasal il-mument li fih bdejna t-tiġrija għall-elezzjoni ġenerali, għandna lkoll nagħmlu kuraġġ għax qal li l-Partit immexxi minnu hu lest biex jiggverna lil pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin. Hu kompla li f’din l-elezzjoni, l-aktar importanti hu l-futur u l-ħolm ta’ kull Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem l-impenn ta’ kull min jistinka ta’ kuljum – mit-Tnejn sal-Ħadd – biex ikollhom futur aħjar, fosthom il-koppji żgħażagħ, l-għaqdiet volontarji u anke l-pensjonanti, li wkoll jaħdmu għal dak li jħobbu għax jemmnu li l-familja hi l-benniena tal-valuri u l-imħabba, kif ukoll fejn jikbru u jitwettqu l-ħolm ta’ kull min hu parti minnha.

Min-naħa l-oħra, Robert Abela qed juża’ l-elezzjoni ġenerali daqslikieku hu l-vaċċin għall-Covid-19. Għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet m’għandhomx jitneħħew biss għall-partiti politiċi, iżda anke għad-dilettanti tal-Festi, għal min iħobb il-kultura jew għal min irid jibda jgħix ħajja normali.

Bernard Grech kompla li Gvern ġdid immexxi minnu jrid li l-ġid li joħloq pajjiżna jmur fil-bwiet ta’ kulħadd u mhux biss ta’ dawk tal-qalba għax il-ġid li jinħoloq hu ta’ kulħadd.

Iżda għax jemmen li biex il-ġid jinxtered fost kulħadd, l-ewwel irid jinħoloq, Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li l-poplu kollu jgawdi l-frott, jasal u jirnexxi wara li jkun stinka daqstant. Hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li l-impenn ta’ kulħadd ikun ippremjat, filwaqt li jkun ta’ spalla għal dawk li ma jkunux jistgħu jaslu.

Dwar il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, Bernard Grech fakkar kif il-Partit ta’ Robert Abela qed jammetti li m’għandux idea kif se jsolvi dawn l-isfidi, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu programm ippjanat li jgħin lill-familji daqskemm lin-negozji.

L-istess bħall-isfidi li koppji li jkunu għaddejjin minn żmien iebes qed jiffaċċjaw matul il-proċess tal-IVF, fejn il-Partit ta’ Robert Abela għażel li jqarraq bihom minflok ma jgħinhom finanzjarjament. Kien biss grazzi għall-Partit Nazzjonalista, li dawn ġew imwegħda l-ħlas komplut tal-proċess.

Iżda mbagħad, meta nqabad, Robert Abela għażel biss li jferfer ċekk ta’ €100, li sirna nafu li ilhom jinsterqu minn bwiet il-poplu għal dawn l-aħħar seba’ snin. Hu għalhekk li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jagħti lura l-flus kollha li nsterqu mill-Gvern Laburista u li għadu jisraq sal-lum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed jara li kulħadd jieħu dak li hu tiegħu bi dritt għall-kuntrarju tal-mod kif Robert Abela moħħu biss biex jipprova jsewwi l-ħsara li ħoloq il-Partit tiegħu stess. U jekk ma jasalx li jsewwi l-ħsara l-Partit ta’ Robert Abela, se jkun Gvern ġdid Nazzjonalista li jara li isem pajjiżna jitnaddaf mill-greylist fi tliet xhur, kif dejjem xeraqlu.

Qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jara li ż-żgħażagħ tagħna jkomplu jistudjaw barra minn xtutna, iżda mbagħad jagħżlu li jiġu lura għax nemmnu li dawn għandhom iħossuhom komdi f’pajjiżna u kburin b’pajjiżna.

Bernard Grech kompla li, filwaqt li jirrikonoxxi kif il-Gvern Laburista qed iberbaq flus il-poplu bl-addoċċ, Gvern ġdid immexxi minnu jkun bil-għaqal kif kienu dawk li b’ħidmiethom għenu lill-familja tkampa. Hu għalhekk li Gvern Nazzjonalista jkun wieħed li jħares ‘il quddiem u joħloq pilastri ekonomiċi ġodda li jrendu l-miljuni ta’ ewro għall-pajjiż.

Għall-kuntrarju tal-Partit Laburista – li għandu persuni li daħlu fil-politika biex iħaxxnu bwiethom – il-Partit Nazzjonalista hu mimli persuni li lesti jaħdmu biss biex pajjiżna kollu jirnexxi. Umbagħad hemm Robert Abela, li llum nafu li hu ħafna ‘l bogħod mill-istampa sabiħa li jipprova jippreżenta.

Hu għalhekk li f’kull siegħa, kull wieħed u waħda minna – Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba – għandu jqum u jara li pajjiżna ma jibqax maħkum minn dawn il-kriminali. Għax ma’ Robert Abela u l-Partit tiegħu, trid tkun kriminali biex tirnexxi, filwaqt li mal-Partit Nazzjonalista kulħadd jista’ jagħmel suċċess.

L-istess bħalma l-Partit ta’ Robert Abela jrid jikkompeti mal-isportivi stess u jidħlilhom fl-għalqa, Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech irid ikun spalla ma’ spalla magħhom u jimbuttahom ‘il quddiem, fosthom b’inċentivi u l-għodod meħtieġa, għax jemmen li l-isport hu parti essenzjali mill-Edukazzjoni.

Bernard Grech qal li aktar ma jgħaddi żmien taħt il-Partit Laburista fil-Gvern, qed nisimgħu dejjem aktar persuni fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar. Iżda Robert Abela jiċħad dan il-fatt magħruf, filwaqt li Gvern ġdid immexxi minnu se jara li jkunilhom possibbli joħorġu minn dawn is-sitwazzjonijiet.

Sadanittant, fil-bidu tal-attività, hu sellem lill-eks Deputati Antoine Mifsud Bonnici u Lawrence Gatt, fejn qal li l-Partit dejjem kien kburi b’missirijiet il-Partit. Hu sellem u feraħ ukoll lil Emma Muscat, li issa hi l-Ambaxxatriċi ta’ pajjiżna fil-Eurovision għax hi kburija li hi Maltija, filwaqt li faħħar ukoll l-impenn tal-parteċipanti l-oħrajn kollha.