Lokali

Il-poplu Malti u Għawdxi jfisser ħafna għall-PN

“Jekk għal ħaddieħor inthom meqjusin bħala żejda, għall-Partit Nazzjonalista inthom tfissru ħafna… aħna nafu x-xogħol ma jaqta’ xejn li tagħmlu għall-komunità Maltija… il-bibien tagħna miftuħin għalikhom biex nisimgħu l-ħolm tagħkom u nwettquhom għal Malta aħjar.”

Kien dan is-sentiment waħdini tas-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino u mill-kandidat Ivan Castillo f’diskorsi li saru waqt attività politika li saret mill-Partit Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu biswit ir-Rotunda fil-Mosta.

Michael Piccinino qal kif diversi persuni ġimgħa wara l-oħra jitkelmu magħhom u jfaħħru l-proposti tal-Partit Nazzjonalista hekk kif jarawhom bħala proposti li se jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Hu kompla jgħid li dan hu prova ċara li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jisma’ u jgħin lin-nies, b’differenza għal-Labour li qiegħed hemm biss biex jgħin lil tal-qalba.

Minn naħa l-oħra, Ivan Castillo saħaq dwar l-importanza li wieħed ikun man-nies u jifhem lin-nies… u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel dan biex jagħti politika ġusta. Hu qasam numru ta’ stejjer ta’ dawk il-persuni li jiltaqa’ magħhom, fosthom dawk il-ħaddiema li bilkemm qed ilaħqu minn xahar għal xahar… b’mod speċjali dawk il-pazjenti li għandhom bżonn apparat mediku… iżda l-Prim Ministru jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra għall-poplu Malti u Għawdxi u jgħin biss lil dawk tal-qalba.

U hekk kif issa bdiet kampanja elettorali, huma saħqu li l-bidla meħtieġa fil-pajjiż tista’ ssir permezz tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech… u hu għalhekk li stiednu lill-poplu Malti u Għawdxi biex jgħinu sabiex din il-bidla verament isseħħ.