Kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li r-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra testjat pożittiv għall-Covid-19 u fejn qed turi s-sintomi ħfief, simili għal riħ. Intant, ma jidhirx li hemm inkwiet partikulari għar-Reġina, fost rapporti li hi se tkompli taqdi xi doveri fil-Kastell ta’ Windsor matul il-jiem li ġejjin.
Ir-Reġina Eliżabetta se tagħlaq 96 sena f’April, bil-kelliema għall-Palazz isostnu li hi se tkompli tingħata l-attenzjoni medika filwaqt li ssegwi l-linji gwida normali għall-pazjenti bil-Covid. Ir-Reġina, fl-aħħar jiem, kienet f’kuntatt mal-Prinċep Charles, binha l-kbir u l-eredi għat-tron tal-Ingilterra u li kien ittestja pożittiv għall-virus matul il-ġimgħa li għaddiet.
Jidher ukoll li numru ta’ nies ukoll ittestjaw pożittiv għall-Covid fil-Kastell ta’ Windsor, li jservi bħala residenza għar-Reġina.
Il-konferma li r-Reġina mardet bil-Covid ħarġet ftit jiem wara li hi, dan ix-xahar, iċċelebrat il-Ġublew tal-Platinum bħala l-aktar Kap tal-Monarkija Britannika li ilha fil-kariga
Ir-Reġina, sadanittant, ingħatat l-ewwel tilqima kontra l-Covid f’Jannar tal-2021, bir-rapporti jgħidu li hi, minn dakinar, kompliet tingħata t-tilqim ‘ta’ wara’ bħala difiża kontra l-agħar effetti tal-virus.
//= $special ?>