Futbol Sport

Inter ma japprofittawx miż-żelqa ta’ Milan

(Ritratt: EPA)

Mid-draw ta’ Milan ġurnata qabel kontra Salernitana , Inter naqsu milli japprofittaw biex bit-telfa sorpriża a spejjeż ta’ Sassuolo, it-tielet tal-istaġun jinsabu żewġ punti taħt Milan. Wara biss tmien minuti Sassuolo fetħu l-iskor. Minn azzjoni ta’ Domenico Berardi kien GIACOMO RASPADORI li għeleb lil Samir Handanovic. Inter naqsu milli jwettqu reazzjoni denja b’Sassuolo japprofittaw tant li fis-26 minuta kien GIANLUCA SCAMACCA li minn pass ta’ Hamed Junior Taore għeleb mill-ġdid lil Handanovic. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess b’Inter minkejja pussess assolut naqsu milli jippenetraw id-difiża avversarja għajr fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud. Minn azzjoni ta’ Arturo Vidal, Stefan de Vrij għeleb lil Andrea Consigli iżda r-referee Francesco Fourneau ma kkonvalidax il-gowl wara li kkonsulta l-VAR.

F’partita oħra Udinese u Lazio temmew fi draw ta’ 1-1. Riżultat ġust f’partita bbilanċjata b’Lazio jitilgħu fis-sitt post bi 43 punt ,wieħed taħt Fiorentina filwaqt li Udinese fin-naħa t-isfel tal-klassifika, b’25 punt jinsabu fis-sittax il-post. Wara ħames minuti GERTARD DEULOFEU poġġa lil Udinese fil-vantaġġ meta minn pass ta’ Pablo Mari Nehuen Perez għeleb lil Thomas Strakosha. Kif kien mistenni reazzjoni minn Lazio li fil-45 minuta kisbu l-gowl tad-draw. Azzjoni ta’ Mattia Zaccagni lejn FELIPE ANDERSON li għeleb lil Marco Silvestri għal 1 – 1 . Riżultat li biħ intemmet wkoll il-partita.

SERIE A

Il-Ġimgħa: Juventus v Torino 1-1 Is-Sibt: Sampdoria v Empoli 2-0, Roma v Verona 2-2, Salernitana v Milan 2-2 Illum: Fiorentina v Atalanta 1-0, Venezia v Genoa 1-1, Inter v Sassuolo 0-2, Udinese v Lazio 1-1 Għada: Cagliari v Napoli 7.00pm, Bologna v Spezia 9.00pm