Lokali

Jinqabad li baqa’ juża l-uffiċċju fil-Belt minkejja li għalqitlu l-kirja

Il-kumpanija legali ta’ Robert Abela, Abela Advocates, ilha 4 snin topera minn uffiċċju fil-Belt Valletta…minkejja li ma kellha ebda titlu legali fuqu…hekk kif il-kera tal-Gvern ntemmittlu fl-2017.

Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta fejn ġie rrapportat li l-kirja tal-Gvern fl-uffiċċju fi Strada Stretta ntemmet 4 snin ilu, bil-Prim Ministru nnifsu personalment, skont dokumenti uffiċjali, ħa f’ismu l-kirja mill-eks partner legali tiegħu Ian Stafrace…lura fl-2013.

L-uffiċċju jagħmel parti minn blokk li jinsab biss mat-30 metru bogħod mill-Qrati Maltin.

Minflok żgombra l-uffiċċju meta ntemmlu l-perjodu tal-kiri lura fl-2017…Abela, dak iż-żmien Membru Parlamentari Laburista…appella mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex jestendulu l-kirja.

Fil-ġurnal ġie spjegat li l-mara tal-Prim Ministru, Lydia Abela, tat bidu għal proċess, lura fl-2020, sabiex tirreġistra kumpanija oħra fl-istess uffiċċju, bl-isem ta’ Nibral.

Ġurnalisti mit-Times spjegaw li kkuntattjaw lill-Awtorità tal-Artijiet dwar il-każ fejn intqal li ddefendew id-deċiżjoni li ma jiżgumbrawx lill-Abela mill-proprjetà – bil-kelliema għall-Prim Ministru jisħqu li l-proċess ta’ estensjoni għadu għaddej. Konferma li l-kirja tal-Gvern intemmitlu u għadu jagħmel użu mill-uffiċċju.

Filwaqt li fl-aħħar jiem tneħħiet il-plakka ma’ ġenb il-bieb b’isem il-kumpanija, Times of Malta kkonfermat li l-kumpanija legali għadha qed topera minn din il-binja.

Ta’ min jiġi nnotat li fl-aħħar snin Abela Advocates daħlet miljuni ta’ ewro minn kuntratti tal-Gvern.