Żewġt irġiel baqgħu miżmumin taħt arrest mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo wara li wieġbu mhux ħatja li serqu żewġ muturi minn Birkirkara. Jason Mifsud ta’ 47 sena minn Tas-Sliema u Joseph Zammit ta’ 45 sena minn Santa Venera ġew mixlija ġew akkużat li bejn it-22 u t-30 ta’ Jannar serqu minn Birkirkara Keeway Cityblade u Kymco Agility.
L-akkuża tgħid li dawn il-muturi jiswew eluf ta’ ewro u li s-serq sar bejn l-10.00am u s-7.00pm. L-allegati serqiet seħħew minn Triq San Ġużepp u Triq Salvu Psaila, bl-ewwel wieħed jinsteraq fit-22 ta’ Jannar u l-ieħor fit-30 ta’ Jannar. Bejniethom l-irġiel iffaċċaw 10 akkużi.
Zammit waħdu kien mixli li kiser sentenzi tal-Qorti waqt li Mifsud waħdu kien mixli li saq iż-żewġ muturi meta ma kellux liċenzja tas-sewqan u polza tal-assikurazzjoni. Ir-raġuni li ma ngħatawx il-pleġġ kien primarjament għaliex hemm persuni pajżana li għad iridu jixhdu.
Il-Qorti talbet lid-Direttur tal-Ħabs jara li l-akkużati jiġu eżaminati biex jiġi stabbilit għandhomx jinżammu fil-Ħabs jew fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli. L-Avukati Charmaine Cherrett u Charlton Falzon Cascun qed jiddefendu lil Zammit waqt li l-Avukat Christopher Chircop qed jidher għal Mifsud. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Andrew Agius u Ritienne Gauci.
//= $special ?>