Internazzjonali

L-Ewropa tinsab viċin tal-akbar gwerra mill-1945

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li r-Russja qed tippjana ‘l-akbar gwerra fl-Ewropa mill-1945’ u li s-sinjali kollha juru li l-pjan ta’ Moska qed jirriżulta, ftit ftit, fir-realtà.

Johnson, waqt intervista lill-BBC, ma ħalla l-ebda dubju dwar is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi u li kapaċi tħalli impatt terribbli għall-Ewropa. Dan fost l-aħħar indikazzjonijiet li r-Russja qed tippjana invażjoni bl-intenzjoni li l-Gvern tal-Ukrajna jibqa’ iżolat fi Kiev filwaqt li ċirkondat mill-qawwiet ostili.

‘In-nies iridu jifhmu kemm is-sitwazzjoni kapaċi tissarraf f’telf ta’ ħajja’, qal Johnson, li kien qed jitkellem minn Munich ( fil-Ġermanja) waqt il-laqgħa annwali dwar is-sigurtà li attendew għaliha r-rappreżentanti ta’ ħafna pajjiżi u li fiha spikkat l-assenza tar-Russja.

L-aħħar kalkoli huma li r-Russi jista’ għandhom sa 190,000 suldati stazzjonati mal-fruntiera tal-Ukrajna u li jinsabu fit-territorji tar-Russja u l-Ukrajna. L-analiżi tas-sitwazzjoni, intant, kapaċi qed tinkludi l-milizzji fil-Lvant tal-Ukrajna li qegħdin jappoġġjaw lil Moska.

Min-naħa tiegħu, Boris Johnson jemmen li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ‘ma jistax jara jew jikkalkula d-diżastru li qed jistenna lil pajjiżu u l-Ewropa fil-futur – u b’mod partikulari fuq skala umana’.

Dan meta r-Renju Unit u l-Istati Uniti qed iħejju biex jikkonfermaw aktar sanzjonijiet kontra r-Russja u l-Gvern f’Moska mal-ewwel sinjali ta’ suldati Russi fl-artijiet tal-Ukrajna Is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu l-impenji biex il-kumpanniji Russi ma jkomplux jagħmlu kummerċ ‘bid-dollari u l-liri Sterlina’ u liema pass għandu jolqot ħażin ferm lill-kumpanniji inkwistjoni.

Boris Johnson tenna li l-ħtif (mir-Russi) tal-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna, fl-2014, wera il-ħtieġa li l-Ewropa ‘tieqaf lil Vladimir Putin’.

Fl-istess ħin, Boris Johnson – li qed jaħtaf l-okkażjoni biex juri l-kapaċitajiet tat-tmexxija tiegħu waqt kriżi internazzjonali – enfasizza li invażjoni tal-Ukrajna għandha ssaħħaħ aktar milli ddgħajjef lill-Alleanza tan-NATO.

Waqt li kompliet il-gwerra bil-kliem, ir-Russja insistiet biex l-Ukrajna ma titħalla qatt tissieħeb man-NATO – b’Moska twissi wkoll biex l-Alleanza ma tkomplix ‘bil-provokazzjonijiet’ viċin ħafna tat-territorji Russi.

Fl-istess ħin, ir-Russja ċaħdet li qed twettaq l-azzjonijiet aggressivi bil-ħsieb li turi lill-Ukrajna f’dawl ħażin u bl-iskop li ‘tiġġustifika l-invażjoni tal-ġar’.

Il-kelliema f’Moska qalu li mhemm l-ebda bażi fid-diskors dwar eżerċizzji bħal dawn – magħrufa bħala ‘false flag operations’ — waqt li tennew  li l-mijiet tat-truppi Russi li jinsabu fuq l-għatba tal-Ukrajna qegħdin ‘sempliċiment’ jieħdu sehem f’eżerċizzji ta’ taħriġ.