Futbol Sport

Manchester United jagħtu wirja kbira kontra Leeds fid-derby tal-Pennines

(Ritratt: EPA)

Manchester United żiedu t-tamiet li jagħlqu l-istaġun mal-aqwa erba’ tims tal-Premier League b’reħba tajba, 4-2, fuq Leeds United f’Elland Road. Il-logħba li ntlagħbet fost ħalbiet kbar ta’ maltemp fakkret lil ħafna fil-futbal tipiku tas-snin sebgħin u tmenin, bir-rivalità bejn dawn it-tims fuq naħat opposti tal-‘Pennines’ tiżbroffa f’ħafna logħob goff u inċidenti bejn il-plejers; bir-referi Paul Tierney ikollu biċċa xogħol diffiċli biex iżomm il-kalma waqt sensiela ma taqta’ xejn ta’ azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti. Din kienet anki l-ewwel konfront bejn in-naħat f’Elland Road minn Ottubru tal-2003 u fejn il-plejers ipproduċew spettaklu ta’ football inċiżiv u veloċi minkejja li l-pitch kien mifqugħ bix-xita – u biż-żewġ settijiet ta’ partitarji jilgħabu l-parti tagħhom. Man Utd, intant, għandhom kwalità superjuri għall-avvaersarji u daħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju u meritat.

Dan wara li l-captain tar-Red Devils, Harry Maguire, skorja bir-ras (34) fuq il-korner ta’ Luke Shaw, bi Bruno Fernandes ukoll isib ix-xibka bir-ras (45+5) wara li daħal għall-kross preċiż ta’ Jadon Sancho. Fit-tieni taqsima, il-logħba daret favur Leeds li inkredibbilment għamluhom 2-2 fi spazju ta’ minuta. L-ewwel gowl wasal fit-53 minuta meta l-cross-shot ta’ Rodrigo għeleb lill-gowlkiper de Gea u spiċċa fis-saqaf tax-xibka bl-għajnuna tar-riħ. Sittin sekonda wara l-iskor kien indaqs meta Daniel James (eks Man Utd) għadda mal-linja u venven cross fil-baxx li qata’ lid-difiża ta’ United – u bis-sostitut Raphinha jixħet f’xibka vojta. Wara d-disfatta, ir-Red Devils organizzaw ruħhom mill-ġdid, bil-manager Ralf Rangnick idaħħal żewġ sostituti — Fred u Anthony Elanga – li taw nifs ġdid lit-tim. Fil-fatt, kellu jkun Fred li, fis-70 minuta, għeleb lill-gowlkiper Illan Meslier b’xutt qawwi wara xogħol tajjeb minn Sancho ( il-plejer tal-logħba). Il-gowl qanqal reazzjoni furjuża mill-partitarji ta’ Leeds li bumbardjaw lill-plejers ta’ Man Utd bl-oġġetti waqt li kienu qed jiċċelebraw il-gowl –u b’oġġett minnhom jolqot lil Elanga li kellu jkun trattat mill-medical staff tar-Red Devils. Intant, kien xieraq li l-aħħar kelma f’din il-logħba tkun proprju ta’ Elanga li, fuq kontra-attakk, irċieva mingħand Bruno Fernandes u fejn kellu biżżejjed ħin u spazju biex jegħleb lil Meslier għar-raba’ darba. It-telfa għal Leeds tfisser ukoll li t-tim ta’ Marcelo Bielsa jinsab ħames punti biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra, bil-fixtures li jmiss se jkollhom importanza partikulari għall-Yorkshiremen li nhar l-Erbgħa jikkonfrontaw lil Liverpool f’Anfield Road.

Wolverhampton Wolves għadhom jissieltu għal post fl-Ewropa grazzi għal rebħa oħra f’Molineux – din id-darba għall-ispejjeż ta’ Leicester City. Dan id-derby tal-Midlands ukoll ma kienx nieqes mill-azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti, b’Ruben Neves isib ix-xibka għal Wolves wara disa’ minuti meta kkonkluda fuq l-assist ta’ Raul Jimenez. Il-gowl qanqal reazzjoni mill-Foxes u qabel il-mistrieħ, Ademola Lookman (41) għamilhom 1-1 fuq il-pass ta’ Marc Albrighton. Fit-tieni taqsima, Leicester ħarġu aktar aggressivi iżda kienu Wolves li skurjaw il-gowl tat-tliet punti meta Daniel Podence (66) għeleb lill-gowlkiper Schmeichel għat-tieni darba wara azzjoni veloċi mibdija minn Max Kilman u b’Denconcker jipprovdi l-assist perfett għall-winger Portugiż.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: West Ham v Newcastle 1-1, Arsenal v Brentford 2-1, Aston Villa v Watford 0-1, Brighton v Burnley 0-3, C’Palace v Chelsea 0-1, Liverpool v Norwich 3-1, Southampton v Everton 2-0, Man City v Tottenham 2-3 Illum: Leeds v Man Utd 2-4, Wolves v Leicester 2-1