Sport Waterpolo

Prestazzjoni diżappuntanti fl-aħħar ħarġa tal-grupp

Stewart Said

MALTA………….. 4

RUMANIJA…… 18

(1-5), (0-2), (2-3), (1-8)

Għalkemm il-kwalifikazzjoni kienet ċerta qabel l-aħħar logħba, it-telfa kontra r-Rumanija tħalli ftit togħma morra. Mhix sorpriża li r-Rumeni rebħu, iżda l-prestazzjoni tat-tim Malti żgur li ma kinitx l-aħjar waħda. Nuqqas ta’ preċiżjoni fil-man-ups, nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża u l-persentaġġ ħażin fil-man-ups kienu fost il-fatturi għal dan ir-riżultat diżappuntanti.

Ir-risposta immedjata ta’ Malta wara l-gowl inizjali tar-Rumanija seta’ ta ħjiel ta’ xi stajna qed nistennew. Azzjoni maħduma mill-isbaħ b’Jeremy Abela jkompli għal ġewwa minn man-up. Iżda r-Rumeni immedjatament reġgħu marru minn fuq minn man-up u ħadu l-kontroll tal-logħba.

Sa tmiem is-sessjoni bnew vantaġġ ta’ 5-1, bi tliet gowls minnhom jaslu minn superjorità numerika. It-tim Malti fl-attakk beda jsibha diffiċli biex ipoġġi l-aħjar plejer għax-xutt filwaqt li l-ballun beda jasal ħażin fis-centre jew minn kien f’din il-pożizzjoni ma kienx qed jagħmel ħsara biżżejjed.

Fit-tieni sessjoni, it-tim Malti beda jagħlaq aħjar fid-difiża iżda naqas li jaqta’ d-distakk, speċjalment kawża tan-nuqqas ta’ azzjonijiet skorjati minn man-up. Sa nofs il-logħba, it-tim Malti kien skorja biss gowl minn ħames okkażjonijiet ta’ raġel aktar fl-ilma momentarjament.

Il-plejers Maltin pruvaw jagħmlu reazzjoni fit-tielet sessjoni u b’gowl minn man-up ta’ Dino Zammit u ieħor ta’ Liam Galea ftit wara, id-distakk niżel għal 7-3. Madankollu wara li t-tim Malti falla ċans, ir-Rumeni skorjaw it-8-3 u minn hemm reġgħu żiedu l-livell tagħhom.

Id-distakk li kompla jikber, għamilha diffiċli għat-tim Malti anki psikoloġikament biex ilaħħaq mal-avversarji. Sforz ukoll l-għajja fiżika, ir-Rumeni xxalaw fl-aħħar sessjoni bi tmien gowls konsekuttivi, erbgħa minnhom minn man-up. Iżda minkejja d-distakk, it-tim Malti rnexxielu jiskorja fl-aħħar azzjoni tal-logħba permezz ta’ Liam Galea.