Lokali

Tfal b’diżabbiltà mċaħħda mill-iskola u t-tagħlim u qed isofru t-tbatijiet fil-kamp edukattiv

Tfal li għandhom xi tip ta’ diżabbiltà fl-aħħar snin bdew jiffaċċjaw problemi serji ħafna fit-tagħlim tant li wħud mit-tfal qed ikunu kostretti jispiċċaw imċaħħda mill-edukazzjoni li huma bi dritt intitolati għaliha. Rebecca Bonello, li hi direttament involuta fl-Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Ġenituri li għandhom membri b’Diżabbiltà (NPSPD) li għandha l-iskop li tkun il-vuċi tal-persuni b’diżabbiltà u li tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-istess persuni, tkellmet ma’ Il-Mument dwar din is-sitwazzjoni xejn pjaċevoli li għaddejjin minnha numru mhux ħażin ta’ tfal b’diżabbiltà. Din l-Organizzazzjoni Mhux Governattiva taħdem fid-diversi oqsma tal-ħajja, b’mod partikulari fejn ikun hemm kwistjonijiet li jirrigwardaw persuni b’diżabbiltà.

Rebecca Bonello enfasizzat li l-edukazzjoni hi dritt fundamentali tat-tfal kollha u trid tingħata l-għodda kollha meħtieġa biex dawn it-tfal b’diżabbiltà jirnexxielu fl-iskejjel bħat-tfal l-oħra kollha.Jirriżulta li ċerti tfal minħabba d-diżabbiltà tagħhom ikollhom ir-rekwiżiti partikulari tagħhom, iżda s-sistema kif inhi attwalment ma taħsibx għalihom.

Għandna sistema li qed tfalli fil-konfront tat-tfal li għandhom bżonn ta’ attenzjoni akbar minħabba d-diżabbiltà li għandhom.Is-sistema ma taħsibx għal dan għaliex prinċipalment id-Dipartiment tal-Edukazzjoni m’għandux ir-riżorsi meħtieġa u rikjesti. Tajjeb li wieħed ifisser li dawk li kienu magħrufa bħala Ċentri ta’ Riżorsa llum spiċċaw biss bħala
skejjel oħrajn.

Minħabba f’hekk l-istess Dipartiment tal-Edukazzjoni kellu jirrikorri għall-privat biex ifittex xi tip ta’ għajnuna għal dawn it-tfal b’diżabbiltà.Hemm każijiet fejn tfal b’diżabbiltà kienu jmorru f’Main Stream iżda minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani u tekniċi, u minħabba nuqqas ta’ għalliema mħarrġa fl-apprezzament ta’ sitwazzjonijiet, kien qed jirriżulta li allura l-istess LSEs, li suppost huma speċjalizzati u mħarrġa f’dan il-qasam, kienu qed isibuha diffiċli biex jiffunzjonaw kif mixtieq.Il-problema hi aktar gravi fis-sens li anki fil-livell ta’ tmexxija tal-iskejjel hemm problemi serji wkoll ta’ nuqqas ta’ apprezzament u arti fil-konfront tal-edukazzjoni tat-tfal b’diżabbiltà.

Kawża tan-nuqqas ta’ taħriġ tal-għalliema, spiss qed temerġi s-sitwazzjoni fejn għalliema ma jkunux kapaċi jikkomunikaw mal-istess tfal b’diżabbiltà. Din hi sitwazzjoni mill-aktar serja li awtomatikament titfa’ lill-istess tfal b’diżabbiltà lura.

Mistoqsija jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni hux konxju minn dawn il-problemi serji liqed jiffaċċjaw it-tfal b’diżabbiltà, Rebecca Bonello fissret li iva, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni hu konxju minn dawn il-problemi serji, u hi u l-organizzazzjoni tagħha kemm-il darba jitkellmu mal-ogħla uffiċjali fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni bit-tama li l-affarijiet jitjiebu, iżda, sfortunatament, ħafna drabi l-bibien jibqgħu magħluqa.Il-vittmi f’ħafna ċirkustanzi jibqgħu t-tfal b’diżabbiltà nfushom kif ukoll il-ġenituri tagħhom li jispiċċaw frustrati għaliex dak li jixtiequ jaraw li jingħataw
uliedhom, jibqa’ ma jingħatax għal raġunijiet li bosta drabi huma litteralment inspjegabbli.Is-sitwazzjoni ma tirrigwardax biss lil tfal li għandhom diżabbiltà severa, iżda tikkonċerna wkoll lil tfal bil-kundizzjoni ta’ ADHD li, fost l-oħrajn, tfisser tfal li jkunu hyper jew li jsibu diffikultà biex jikkonċentraw. Jista’ xi ħadd jispjega kif tfal bħal
dawn jitħallew sigħat twal bilqiegħda?

Jista’ xi ħadd jispjega kif tfal bħal dawn ma jitħallewx joħorġu fil-bitħa tal-iskola biex jaħlu l-enerġija tagħhom u minflok jitħallew fil-klassi? Għaliex dawn it-tfal ma jingħatawx aktar opportunitajiet ta’ sports li jgħinhom qatigħ fil- kundizzjonijiet li jkollhom biex hekk jaħlu l-enerġija li għandhom.

Dan biex wieħed ma jsemmix sitwazzjoni ferm agħar fejn ċerti persuni mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jinsistu li l-ġenituri jieħdu lil uliedhom għand il-Psikjatra biex jagħtihom xi forma ta’ mediċini!Hi fissret li kien hemm sitwazzjonijiet meta tfal b’diżabbiltà, meta ma tmurx l-LSE, kienu jintbagħtu d-dar. L-Organizzazzjoni ma kenitx taqbel ma’ dan
għaliex l-edukazzjoni hi dritt fundamentali tat-tfal kollha. Id-Dipartiment, biex isolvi din il-problema tan-nuqqas ta’ LSEs, beda jaqla’ lil-LSEs li huma shared biex minflok jassistu lit-tfal b’mod individwali.

L-Organizzazzjoni ma temminx li għandhom ikunu t-tfal li jsolvu l-problemi amministrattivi tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Jekk hemm rapport psikoloġiku magħmul minn espert, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni ma għandu l-ebda dritt li jmur kontra tiegħu.

Hi assurda wkoll id-deċiżjoni li t-tfal b’diżabbiltà jew b’kundizzjoni u li jinsabu fi kwarantina, l-arranġamenti anċillari li kienu sarulhom, jitneħħewlhom. Dan ma jagħmilx sens u għalhekk l-Organizzazzjoni hawnhekk ukoll uriet in-nuqqas ta’ qbil tagħha.Rebecca Bonello qalet li d-Dipartiment tal-Letteratura ħareġ assessments u fih taw l-ordni biex l-ebda tifel jew tifla b’kundizzjoni ma jingħataw xi forma ta’ għajnuna. Ir-raġuni wara din id-deċiżjoni kienet biex id-Dipartiment ikun jaf il-kapaċità tal-istess tfal.

Din hi sitwazzjoni mill-aktar redikola sal-punt li fil-konfront ta’ tfal nieqsa bid-dawl, jew inkella b’ċertu tip ta’ awtiżmu, spiċċaw ġew skużati mill-karta ta’ dan l-eżami. Apparti minn hekk, l-istess ġenituri anqas biss kienu konsultati dwar dawn l-assessments u saru jafu bihom tliet xhur wara! Sal-lum il-ġurnata d-Dipartiment għadu ma infurmax lill-ġenituri dwar l-eżitu ta’ dawn l-assessments.Hi kkritikat ukoll is-sistema fejn tfal li għandhom LSE shared qed jispiċċaw b’sitwazzjoni fejn l-Educational Officer flimkien mal-INCO qed jieħdu d-deċiżjoni waħidhom jekk l-LSE titneħħiex jew le.Mistoqsija dwar iċ-Ċentri tar-Riżorsa, Rebecca Bonello qalet li hi tneħħi l-kappell għal dawn in-nies li qed jagħmlu xogħol impekkabbli, iżda hemm nuqqas serju ta’ riżorsi.

Tajjeb li jingħad li l-pool tal-Iskola San Miguel ilu kważi sena bil-ħsara. F’din l-iskola partikulari jattendu tfal li għandhom diżabbiltà fiżika u għalhekk għalihom l-eżerċizzju fiżiku fl-ilma hu imperattiv.F’din l-Iskola San Miguel hemm bżonn ta’ rinnovament qawwi minħabba li fid-dehra tagħha s-sitwazzjoni sejra minn ħażin għall-agħar.Hi ta’ għafsa ta’ qalb kif ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà jippruvaw jagħmlu kuntatt mad-Dipartiment iżda dawn ma jirċievu l-ebda tweġiba lura u jkun biss darba li jintervjeni l-Ministru li l-affarijiet jibdew jiċċaqilqu.

Tags