Internazzjonali

Ukrajna: Vladimir Putin jgħid li l-armata Russa tinsab “lesta għall-attakk”

Is-sigħat li  jmiss mistennija jkunu kruċjali għall-Ukrajna, bl-Ewropa tista’ tgħaddi mill-ewwel konflitt militari ‘totali’ miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija (1939-1945).

Dan meta l-President Russu Vladimir Putin jidher li ħareġ direttiva speċifika biex il-qawwiet tiegħu ‘iħejju għall-invażjoni tal-Ukrajna’. L-indikazzjonijiet ġejjin mill-informazzjoni tas-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti, fost rapporti li ‘madwar 75 fil-mija tal-Armata Russa huma lesti għall-azzjoni’ mal-fruntiera Ukrena.

Hemm ukoll sorsi oħrajn li jemmnu li l-ogħla tmexxija f’Moska ħarġet ‘diġà’ id-direttiva biex il-qawwiet Russi jidħlu fl-Ukrajna u bl-istess sorsi mhumiex jeskludu għal invażjoni ‘fis-sigħat bikrin tat-Tnejn ( għada)’. Intant, il-parti kbira tal-qawwiet ta’ Putin jinsabu biss ftit għexieren ta’ kilometri ‘il hinn mill-Ukrajna.

Bħalissa, qed ikomplu t-taħditiet wara l-kwinti fi sforz iddisprat biex ma tinqalax ‘Tielet Gwerra Dinjija’ – bil-pajjiżi tal-Punent għadhom jinsistu bid-diplomazija bil-għan li jevitaw konflitt katastrofiku li jista’ jiswa l-ħajja ta’ miljuni ta’ Ukreni u Russi.

U fis-sigħat li jmiss, mistennija jkomplu n-negozjati bit-tama li r-Russja, l-Ukrajna u l-Ewropa jersqu lura mix-xifer tal-abbiss – għalkemm mhux eskluż li l-affarijiet, issa, waslu sal-punt fejn ‘wieħed ma jistenniex bidla fil-pożizzjoni ta’ Putin’.