Biex jipprova jinqata’ mill-iskandli li ħakmu d-disa’ snin li għaddew ta’ Gvern Laburista – fosthom is-sentejn tiegħu stess bħala Prim Ministru u diversi snin oħra Konsulent tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat – il-Mexxej Laburista Robert Abela qed jipprova jbellagħha lin-nies li għalih, jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, dan se jkun l-ewwel mandat.
Iżda l-verità hi ferm differenti minn dan. Għax sentejn ilu, wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat, Abela ntagħżel bħala l-Mexxej tal-Labour u allura Prim Ministru … u minn dakinhar, hu kellu sentejn ċans jipprova jiġbor ġieh il-Gvern u isem pajjiżna mill-mod kif ittappan serjament minħabba l-Labour.
Sorsi li tkellmu ma’ NET News qalu li sforz kemm irid jipprova jnessi d-disa’ snin li għaddew, Abela nnifsu għamel pressjoni fuq ta’ madwaru biex il-kampanja ddur biss madwaru, tant li l-Labour tella’ ħafna banners b’isem il-Leader.
Matul konferenza tal-aħbarijiet, Abela kompla jikxef il-qasma li fl-aħħar xhur iddominat lil-Labour, bejn il-klikka tiegħu u l-klikka tal-eks Leader Joseph Muscat, b’esponenti ewlenin fil-Partit maqsumin bejn it-tnejn. Fost dawn hemm Aaron Farrugia, li ntefa’ b’ruħu u ġismu fil-klikka ta’ Robert Abela… u Ian Borg, li għażel li jibqa’ ma’ dak li fl-2019 kien iddikjarat bħala l-aktar politiku korrott fid-dinja.
Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Aaron Farrugia kompla jesponi din il-qasma, tant li – f’botta diretta lejn Ian Borg – qal li l-familji llum qed jibku għall-afforestazzjoni. Dan f’botta diretta għas-suppost kollega tiegħu, li hu magħruf għall-mod – f’kull proġett li għamel – qaċċat kemm felaħ siġar.
Sadanittant, il-Ħadd il-Mexxej Laburista wiegħed li se jagħti mediċini b’xejn … iżda ma riedx jammetti li l-Labour ilu jwiegħed l-istess ħaġa mill-2013, filwaqt li hu stess reġa’ wegħedha meta pparteċipa fil-ġlieda għal-Leadership, aktar minn sentejn ilu.
//= $special ?>