Ambjent Elezzjoni 2022 Lokali

ANALIŻI: Robert Abela jagħmel wegħdiet ambjentali diġà mwiegħda mil-Labour, imma li baqgħu ma twettqux

Jispikka n-nuqqas ta' kredibbiltà tal-Labour fis-settur ambjentali

It-Tnejn filgħodu l-poplu Malti u Għawdxi sebaħ għall-ewwel jum tal-kampanja elettorali fejn sa qabel ma daqqew it-tokki ta’ nofsinhar il-Partit Laburista diġà beda jwiegħed kollox lil kulħadd partikolarment fl-aktar settur li ċertament iċ-ċittadini konxji tal-ġerħa u l-problemi li pajjiżna qed isofri – l-ambjent. Problemi li ġabhom b’idejh ħadd ħlief il-partit fil-Gvern li fi tmun tiegħu tqiegħed Robert Abela.

It-Tnejn filgħodu Abela qara numru ta’ wegħdiet sbieħ li qed jagħmel il-Partit Laburista. Iżda li naqas milli jsemmi kien li ħafna minnhom kienu wegħdiet diġà mwiegħda lill-familji Maltin u Għawdxin; wegħdiet però li ma wettaqx jew li injora kompletament.

Waħda mill-proposti li qed jagħmel bħala cavallo di battaglia tiegħu hija l-wegħda li jinċentiva lis-sidien ta’ art privata sabiex jinħolqu spazji miftuħin – li jixtru postijiet privati u jinbidlu f’parks u ġonna – għax fi kliem Abela stess, “semgħu lin-nies”

Il-bużillis hi li din kienet wegħda magħmula mill-istess Partit Laburista fil-manifest elettorali tal-2017 – wegħda li ma wettaqx.

Matul il-konferenza tat-Tnejn filgħodu Abela wiegħed li jekk il-poplu jkompli jtih il-fiduċja fil-Gvern se jagħti prijorità lill-ambjent – minkejja li din il-wegħda saret kemm fil-manifest elettorali fl-2013 kif ukoll fl-2017, b’bosta persuni jisħqu li ‘talk is cheap‘ u li issa l-kredibbiltà f’dan is-settur … Robert Abela u ta’ madwaru tilfuha.

Fost il-wegħdiet li kienu mwiegħda mill-Partit Laburista u li baqgħu injorati kompletament, b’diversi familji Maltin u Għawdxin jisħqu li dawn ma jkunu xejn għajr bżar fil-għajn u kliem fieragħ hemm il-wegħda tal-Masterplan ta’ Paceville u l-Bajja ta’ San Ġorġ… riġenerazzjoni li kellha tkun ta’ xprun għal pulmun ekonomiku u ambjentali. Madanakollu, 5 snin wara, kull ma ħadu l-ħaddiema u persuni f’din iż-żona hija, kif inhu deskritt minnhom stess, “trab u krejnijiet”

Ironikament fl-2017 il-Labour kien wiegħed li se tkun qed titfassal strateġija għan-noise pollution .. sintendi jekk persuna ddur dawra mal-Gżejjer Maltin tirrealizza faċilment li dan kien kompletament injorat – b’diversi persuni oħrajn f’darhom kontinwament jispiċċaw bil-ħsejjes tat-tisbit u l-iskossi tal-jigger wara l-bibien ta’ darhom…għad-detriment ta’ saħħithom.