Lokali Saħħa

Appell biex jiltaqgħu mas-CEO tar-residenza ta’ San Vinċenz

Injorati u bqajna bla ebda laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tar-residenza ta’ San Vinċenz.

Hekk sostniet ma’ Net News il-President tal-Allied Health Care Workers Union, Esmeralda Borg Azzopardi fejn qalet li t-talbiet biex jiltaqgħu mas-CEO ilhom isiru, iżda waqgħu fuq widnejn torox.

Il-Union tal-Allied Health Care Workers qalet li se jibqgħu jaħdmu biex l-awtoritajiet jisimgħu l-karbiet tal-ħaddiema li jaħdmu f’San Vinċenz. Karbiet li għadhom sal-lum mhux mismugħa.

Dawk preżenti qalu li l-union issa ilha reġistrata bħalha Union indipendenti mill-24 ta’ Novembru li għadda. Bħala wieħed mill-objettivi … il-union trid li tinżamm pożizzjoni iebsa mal-awtoritajiet tas-saħħa, sabiex il-ħaddiema jkollhom titjib fil-kundizzjonijiet tax-xoghol. L-Allied Health Care Workers Union qalet li se tissokta bil-ħidma biex jitnaqqas il-prekarjat; xi ħaġa li issa saret materja komuni fil-konfront tal-ħaddiema tas-saħħa u b’mod partikolari dawk li jaħdmu fir-residenza San Vinċenż.