Ikomplu joħorġu aktar żviluppi dwar ir-relazzjonijiet li l-allegat kriminal Christian Borg kellu ma’ esponenti u persuni midħla sew fil-Partit Laburista.
Għax wara li kien żvelat li l-Mexxej Robert Abela kellu negozju dwar propjetà ma’ persuna akkużata li kienet fost diversi individwi oħrajn li ħatfu persuna oħra u heddewh li jaqtgħulu subgħajh u jistuprawlu lil oħtu… issa sar magħruf li fin-negozju ma’ Borg hemm involut ukoll Joe Camenzuli, il-fotografu uffiċjali tal-Partit Laburista.
Camenzuli ilu midħla sew fil-Partit Laburista sa minn żmien it-tmexxija ta’ Alfred Sant, fejn kien impjegat tal-Labour bħala l-fotografu uffiċjali tal-Leader … kariga li żamm anke matul it-terminu ta’ Joseph Muscat.
Fl-aħħar sentejn, kemm ilu li rebaħ il-ġlieda tal-Leadership, Abela impjega diversi fotografi fi ħdan Kastilja u li eventwalment spiċċaw jintużaw għall-ħidma politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista wkoll … b’tali mod li Joe Camenzuli ngħata l-ġenb.
Madankollu, is-sorsi li tkellmu ma’ NET News spjegaw li hu għamel pressjoni ma’ dawk fit-tmexxija tal-Partit li għadhom iħossuhom aktar komdi fil-klikka ta’ Joseph Muscat, milli ta’ Abela, biex isibu skuża għalfejn għandu jibqa’ jżomm il-pass biex jidħol f’kull zona tal-Kwartieri. Għaldaqstant, kultant żmien, hu jitqabbad jieħu xi ritratt għal-Labour, f’okkażjonijiet li ma jkunux jinkludu lil Robert Abela.
Issa, il-gazzetta MaltaToday żvelat li Joe Camenzuli spiċċa fil-lista tad-Diretturi tal-kumpanija Princess Operations, parti minn Princess Group ta’ Christian Borg. Il-gazzetta qalet li hu kien fost dawk li isimhom iddaħħal riċentament fil-Bord tad-Diretturi tal-grupp ta’ kumpaniji bit-tama li dawn ma jkunux fil-blacklist għal xi tender ta’ xogħol tal-Gvern.
Il-gazzetta spjegat li Christian Borg u l-persuni l-oħrajn akkużati miegħu ddeċiedew li jbiddlu lid-Diretturi tal-kumpaniji tagħhom. Fil-każ ta’ Joe Camenzuli, l-għażla tal-allegat kriminal tidher li kienet waħda naturali. Dan wara li Borg iddikjara ruħu kemm-il darba ħabib tal-fotografu tal-Labour.
Fil-fatt, fuq Instagram, Christian Borg tella’ ritratt ma’ Camenzuli u kiteb li hu kuntent li hu ħabib tiegħu. Fost tenders oħrajn, sentejn ilu, Princess Operations intagħżlet biex tikri 38 karozza u tliet vannijiet lil Transport Malta, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika ta’ Ian Borg, li bħal Camenzuli jħossu parti mill-klikka ta’ Joseph Muscat.
Il-gazzetta MaltaToday ppruvat tagħmel kuntatt ma’ Joe Camenzuli dwar dawn l-aħħar żviluppi, iżda baqgħet mingħajr risposta.
//= $special ?>