Internazzjonali

Covid: L-Awstralja tiftaħ għall-barranin għall-ewwel darba fi kważi sentejn

L-awtoritajiet fl-Awstralja fetħu mill-ġdid il-fruntiera internazzjonali għall-ewwel darba fi kważi sentejn fost spinta qawwija lis-settur tat-turiżmu. Id-deċiżjoni hi wkoll sinifikanti għall-Awstraljani li kienu ilhom xhur kostretti li jgħixu barra pajjiżhom u li fl-aħħar sigħat kellhom reunjoni kommoventi ma’ qrabathom.

L-Awstralja – mill-bidu tal-pandemija – imponiet uħud mill-aktar regoli stretti fid-dinja għal kull aspett li jirrigwarda l-ivvjaġġar. Dan waqt li l-pajjiż, f’Marzu tal-2020, litteralment ingħalaq u waqqaf it-titjiriet lejn artu minħabba l-Covid-19.

U għalkemm — fl-aħħar tas-sena l-oħra — tħallew jirritornaw numru ta’ Awstraljani li kienu qed jgħixu barra,  ħafna barranin li riedu jivvjaġġaw lejn l-Awstralja kellhom jistennew għall-aħħar direttiva uffiċjali biex huma jirrealizzaw il-pjani.

Sadanittant kien hemm xeni kbar ta’ emozzjoni fl-ajruport ta’ Sydney fejn bdew jaslu l-mijiet tal-Awstraljani wara ‘eżilju twil minħabba ċ-ċirkustanzi tal-Covid’. ‘Il fuq minn 50 titjira internazzjonali kellhom jinżlu l-Awstralja fl-aħħar sigħat u meta l-barranin, issa, jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Istati Awstraljani kollha ħlief Western Australia li għandu jiftaħ mill-ġdid mit-3 ta’ Marzu.

Il-barranin li ħadu tilqima doppja kontra l-Covid mgħandhomx ħtieġa li jqattgħu żmien fi kwarantina ladarba jaslu l-Awstralja. Iżda l-barranin li mhumiex imlaqqmin u li jaslu l-Awstralja minn issa ‘il quddiem iridu jagħmlu erbatax-il jum magħluqin fil-lukandi għall-ispejjeż tagħhom.