Tħabbar li qed isiru l-arranġamenti għall-ivjaġġar għal votanti eliġibbli li joqgħodu barra mill-pajjiż biex ikunu jistgħu jivvotaw f’Malta fl-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2022.
Għal dan l-għan, l-AirMalta se tipprovdi biljett bir-ritorn fuq servizzi skedati regolari tagħha b’noll ta €90 – inklużi t-taxxi u spejjeż oħrajn – għal persuni li huma eliġibbli li jivvotaw f’Malta fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Il-bookings jistgħu jsiru fil-call centre tal-AirMalta fuq in-numru (+356) 21418118. Iċ-ċentru se jkun miftuħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd mit-8.00am sad-9.00pm mill-Ħamis 24 ta’ Frar 2022 fit-8.00am.
L-ivjaġġar lejn Malta hu possibbli mis-16 ta’ Marzu u s-26 ta’ Marzu 2022, u r-ritorn mis-26 u t-30 ta’ Marzu 2022 (dati inklużi). Dawk il-persuni li jagħżlu li jivvutaw kmieni fid-19 ta’ Marzu 2022 jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta mis-16 sat-18 ta’ Marzu biex ikunu jistgħu japplikaw l-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar sa mhux aktar tard minn 12.00pm tat-18 ta’ Marzu 2022. Huma jistgħu jivvjaġġaw lura mid-19 ta’ Marzu 2022, iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2022.
Dawn l-arranġamenti tal-ivvjaġġar huma disponibbli għal:
(a) votanti eliġibbli, inklużi dawk miżżewġa lil barranin, dawk li qed jistudjaw, li jaħdmu jew li għaddejjin minn trattament mediku barra mill-pajjiż; u
(b) dipendenti tal-persuni msemmija f’(a) hawn fuq.
Dawk il-persuni li tapplika għalihom din id-direttiva huma votanti li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppubblikat fi żmien ħamest ijiem mill-pubblikazzjoni tar-Writ tal-Elezzjoni Ġenerali.
//= $special ?>