Ekonomija Elezzjoni 2022 Lokali

“Għandna viżjoni konkreta għal pajjiżna” – Bernard Grech

"Jien miegħek u int miegħi nistgħu nibnu Malta aħjar".

“Gvern ġdid Nazzjonalista se joffri viżjoni konkreta għal pajjiżna”. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politika li saret fil-Belt Valletta.

Huwa qal li mal-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’viżjoni konkreta għal dan il-pajjiż. Viżjoni li permezz tagħha kulħadd se jkun jista’ jgħix aħjar u jimxi ‘l quddiem. Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu viżjoni għal pajjiżna.. turija ċara ta’ dan huwa l-investiment kbir li sar taħt Gvernijiet Nazzjonalista… investiment f’ħafna setturi fosthom l-informatika. Issa wara għaxar snin ta’ Gvern Laburista wasal iż-żmien biex jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda għal pajjiżna.

Bernard Grech semma wħud minn dawn is-setturi ġodda fosthom l-ipprintjar 3D u l-Metaserve. Pilastri li se jkun qed joġolqu numru kbir ta’ postijiet ta’ xogħol fis-snin li ġejjin. Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qiegħed jibni dawn il-pilastri permezz ta’ dan il-pedament ta’ biljun ewro sabiex l-ekonomija Maltija terġa’ tibda tissaħħaħ.

Huwa qal li bħalma fil-passat il-Partit Nazzjonalista ħoloq setturi b’saħħithom, jiggarintixxi li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jibni l-ekonomija u jkattar dawn is-etturi ekonomiiċi għal pajjiżna.

Il-Kap tal-PN sostna li l-pilastru tad-due diligence se jservi sabiex it-tebgħa tal-grey listing tinbidel f’oppurtunità u permezz tagħha jinħoloq settur ekonomiku ġdid. Huwa qal li huwa importanti li Malta toħroġ immedjatament minn fuq din il-lista, sabiex ikollna ċertifikat li dan huwa pajjiz nadif fejn wieħed ikun jista’ jiġi jinvesti fih. Robert Abela ma rnexxilux jevita l-grey listing… persuna li għandu ħafna affarijiet x’jaħbi.

Bernard Grech qal li hemm ħafna nies li jridu jġibu l-bidla f’pajjiżna. “Gvern ġdid Nazzjonalista se jġib il-flus minn pilastri ekonomiċi li kattarna fis-snin li għaddew flimkien ma’ dawn is-setturi ekonomiċi ġodda.”

Il-Kap tal-PN irringrazzja lil Claudio Grech għall-ħidma kbira li għamel u għadu qed jagħmel għall-Partit Nazzjonalista, kif ukoll għall-pass kuraġġuż li għamel. Bernard Grech fakkar li l-ewwel ħaġa li beda jaħdem fuqha meta laħaq kap tal-PN hija li jkollna Partit magħqud…. u hekk sar…. illum għandn Partit Nazzjonalista li huwa magħqud. Fejn illum fl-istrutturi tal-Partit għandna demm ġdid b’taħlita ta’ nies ta’ esperjenza kbira. Huwa qal li ż-żgħażagħ għandhom ikunu l-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż. Huwa rringrazzja wkoll lil Kristy Debono, Clyde Puli u Mario Galea għas-servizz kbir li taw lill-pajjiż kif ukoll lill-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech ħabbar li Christina MIcallef se jkun kandidat fuq l-ewwel distrett. Qal li dan il-partit huwa lest li b’tim riġenerat imexxi dan il-pajjiż.

Il-Kap tal-PN saħaq li l-PN se jkun qed jippremja lil kull min irid jimxi sewwa, lil min irid jinvesti f’dan il-pajjiż u lil min irid ikompl jkattar l-ekonomija. Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jappoġġja lil kull min jibni b’mod tajjeb u jsebbaħ il-madwar.

Bernard Grech qal li kulħadd għandu jagħmel l-funzjoni tiegħu sabiex intejbu lil dan il-pajjiż, għax kulħadd għandu jkun parti mis-suċċess. Saħaq li għandu jkun hemm ‘equal pay’ għal kulħadd.

Sostna li dan huwa l-mument fejn qed nersqu lejn għażla… viżjoni li qed iressaq il-Partit Nazzjonalsita sabiex kulħadd jirnexxi u kulħadd iwettaq il-ħolma tiegħu… b’hekk biss jista’ jkollna poplu li jaspira li jkun aħjar. “Jien miegħek u int miegħi nistgħu nibnu Malta aħjar”.